Internazzjonali

Is-Sirja: Jinsisti li l-attakk kimiku hu ‘frott il-gideb’

Vittma mill-attakk bl-armi kimiċi ta' nhar it-Tlieta f'Idlib

Il-President tas-Sirja, Bashar al-Assad qal li l-aħħar rapporti dwar attakk kimiku mill-qawwiet tiegħu fuq iċ-ċivili Sirjani ‘huma frott il-gideb mija-fil-mija’.

Assad qal ukoll, waqt intervista esklussiva lill-Agence France-Presse, li ‘l-Gvern tiegħu fl-ebda ħin ma ħareġ direttiva għal attakk ta’ dan it-tip’.

Fl-4 ta’ April mietu ‘il fuq minn 80 persuna, inklużi tfal, waqt attakk partikulari fuq il-belt Sirjan ta’ Khan Sheikhoun u fejn mijiet sofrew is-sintomi konsisenti mal-materjal kimiku. Ix-xhieda qalu li raw lill-ajruplani tal-gwerra jattakkaw dik il-belt iżda r-Russja sostniet li l-qawwiet tagħha kienu konċentraw fuq depot ta’ munizzjon kimiku ‘f’idejn ir-ribelli’.

Numru ta’ filmati urew lill-vittmi, inklużi tfal, qegħdin ibatu l-effetti qattiela tal-kimika, b’diversi ċittadini jispiċċaw l-isptar fit-Turkija, man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

It-Turkija — li topponi lir-reġim ta’ Assad — qalet, sadanittant, li għandha l-‘provi konkreti’ li, fir-rejd fuq iċ-ċittadini, kienu ntużaw elementi tas-Sarin li jattakka lin-nervatura tal-ġisem u li hu projbit bħala arma għall-qerda tal-massa.