Futbol Sport

Bidla storika fil-logħob tas-Serie A

Il-kampjonat tas-Serie A għall-istaġun 2017/2018 se jibda fl-20 ta’ Awwissu b’deċiżjoni mil-Lega tas-Serie A. B’hekk il-Presidenti tal-klabbs tal-ogħla diviżjoni Taljana, irrifjutaw il-ħsieb li l-kampjonat jibda fit-13 ta’ Awwissu.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Giampiero Ventura, kien stqarr dan biex it-tim nazzjonali Taljan, jipprepara bl-aħjar mod għal partita importanti tal-ewwel ta’ Settembru kontra Spanja, valida għal kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla.

Il-kampjonat li ġej se jara bidla partikolari, dik li jintlagħbu l-logħba fil-23 u t-30 ta’ Diċembru, xi ħaġa li ilha tiġri għal snin fil-Premier League Ingliż. Wara s-6 ta’ Jannar, is-Serie A se jkollu waqfa ta’ ġimagħtejn, bil-kampjonat jitkompla fil-21 ta’ Jannar.

L-istaġun jintemm fl-20 ta’ Mejju, filwaqt li għal tliet darbiet, se jintlagħbu l-logħob fost il-ġimgħa, bid-dati jkunu l-20 ta’ Settembru, il-25 ta’ Ottubru u t-18 ta’ April. Fil-bidu, seta’ kien hemm il-possibbiltà li jintlagħbu l-logħob fl-24, fis-27 u t-30 ta’ Diċembru. Id-diskussjoni saret waqt l-assemblea, iżda d-deċiżjoni waqgħet fuq it-23 u t-30 ta’ Diċembru.