Madwar Malta kollha, huma mijiet dawk li jieħdu sehem fil-purċissjonijiet li joħorġu fil-Ġimgħa l-Kbira – ill-kbar saż-żgħar – u aktar huma dawk li jmorru jaraw dawn il-purċissjonijiet, hekk kif din hi tradizzjoni li baqgħet popolari matul iż-żminijiet. Iżda ftit huma dawk li jafu l-preparamenti twal u paċjenzjużi li jinvolvu biex dawn il-purċissjonijiet.
Iżda dawn l-preparamenti ma jinvolvux biss kostumi – imma anke make-up u leħji tal-persunaġġi li se jkunu qed jipparteċipaw. Din is-sena, morna fl-Oratorju tal-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, fejn hemmhekk iltqajna mal-aħwa Bonello – Edward, David, Cesco u Chris – erba’ aħwa li sena wara sena baqgħu jagħtu s-sehem tagħhom fil-preparamenti tal-make-up u l-leħji.
Tkellimna ma’ Edward, fejn stqarr li din ir-responsabbilta’ baqgħet tintiret fil-familja, u issa hemm ukoll n-neputijiet jieħdu sehem – b’hekk ġenerazzjoni oħra żdidet fl-għajnuna fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira. L-aħwa spjegawlna wkoll x’jinvolvi parti mix-xogħol – fejn David qalilna x’jirrikjedi biex jagħmel leħja fuq numru kbir ta’ nies li jieħdu sehem.
Apparti l-leħja, l-karattri tal-Ġimgħa l-Kbira jinvolvu nies bħal Barabba – persunaġġ li jinvolvi ħafna xogħol minħabba l-make up fuq il-wicc. Din id-darba kien Cesco li spjegalna dan ix-xogħol tant paċenzjuż.
Iżda b’purċissjoni li fiha jieħdu sehem madwar tliet mitt persuna, ma jonqsux ukoll il-kostumi. Waqt li konna qegħdin insegwu l-preparamenti tal-purċissjoni – sa minn tliet sigħat qabel il-ħruġ fit-toroq tal-Belt Valletta – ħadna l-opportunita’ li nżuru wkoll x-xogħol li jinvolvi l-ilbies.
//= $special ?>