Internazzjonali

Il-Pakistan: Student ħati dwar ‘blasfemija’ jinqatel taħt idejn kollegi fuq il-kampus

 

Student li kien akkużat bi blasfemija kontra l-Islam spiċċa maqtul minn folla ta’ studenti, fosthom kollegi tiegħu, fuq l-kampus tal-università, fil-belt ta’ Mardan, fil-Pakistan.

L-awtoritajiet għalqu dan il-kampus dritt wara r-reat brutali, b’numru kbir ta’ studenti jisfaw arrestati mill-pulizija.

Ir-rapporti, intant, jissuġġerixxu li żewġ studenti – fosthom il-vittma – kienu akkużati b’li ċċirkolaw materal li jinsulenta lill-Islam fuq Facebook. Ingħad ukoll li ‘l-istudent l-ieħor’ spiċċa wkoll attakkat, iżda dan salva b’ħajtu ‘wara li ġarrab diversi ġrieħi’.

Il-blasfemija tinvolvi issue mill-aktar sensittiva fil-Pakistan u l-kritiċi jgħidu li l-liġijiet relatati għaliha ( li f’xi każi jippermettu wkoll għall-piena kapitali) kemm il-darba jkunu ‘misinterpretati’ għall-oppressjoni ta’ minoranzi.

L-istudent maqtul għall-blasfemija kien qed jistudja l-ġurnaliżmu u xi rapporti qalu li hu kien anki suġġett għal ‘forom ta’ tortura’ qabel mewtu. Ir-rapporti dwar il-kawża tal-mewt, intant, ivarjaw – b’uħud jgħidu li l-vittma ġarrab ‘tiri fatali’ u b’oħrajn itennu li hu kien ‘issawat bl-injam sakemm inqatel’.