Il-Knisja Kattolika llum qed tfakkar Jum il-Ġimgħa l-Kbira, tifkira għażiża għall-Insara meta Ġesù Kristu offra ħajtu bil-Passjoni tiegħu sal-Mewt tas-Salib fuq l-Għolja tal-Kalvarju.
Din il-Festa twassal lill-Knisja Kattolika għall-akbar Festa tagħha … Jum l-Għid il-Kbir, il-Ħadd li ġej.
Fil-Knejjes kollha, illum ma jsirx Quddies u dalgħodu huma ħafna dawk li jkomplu bil-Viżti quddiem l-Artal tar-Repożizzjoni, li bdew ilbieraħ filgħaxija. Fit-3pm, il-ħin meta jingħad li miet Ġesù, madwar id-dinja tibda l-Funzjoni bl-Adorazzjoni tas-Salib.
Matulha, l-Insara miġbura fi Knisja mdallma u mneżża’ jfakkru r-rakkont tal-Passjoni u l-Mewt, filwaqt li jaduraw l-Għuda tas-Salib. Aktar tard, f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, isiru l-Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
U għall-ħabta tad-9.15pm, fil-Kolossew ta’ Ruma, jingħata bidu wkoll għal Via Crucis, it-Triq tas-Salib, immexxija mill-Papa Franġisku.
Il-Knisja titlob li llum in-Nisrani jsum u jasteni mill-ikel.
//= $special ?>