Formula 1 Sport

Jenson Button se jirritorna fil-Formula 1 għal darba biss

Jenson Button kien irtira mill-Formula 1 fl-istaġun li għadda

Jenson Button se jirritorna fil-Formula 1 biex itellaq il-Grand Prix ta’ Monaco, u jieħu post Fernando Alonso. L-Ispanjol se jkun qed jieħu sehem ix-xahar id-dieħel fl-Indianapolis 500, u b’hekk reġgħet ġiet l-opportunità għal Jenson Button li jerġa’ jikkompeti fil-Formula 1, ħames xhur wara li rtira mill-isport.

Il-kuntratt ta’ sentejn li Button iffirma mal-McLaren fil-Ħarifa li għaddiet, inkludiet li jservi ta’ riserva għas-sewwieqa tal-Formula 1. “Ninsab kuntent li se nagħmel ritorn ta’ darba fil-Formula 1, u ma nistax naħseb f’post aħjar mill-Grand Prix ta’ Monaco,” qal Button. Fil-kuntratt ta’ Button hemm inkluż ukoll l-għażla li jirritorna b’mod sħiħ fl-2018.

Button li għalaq 37 sena f’Jannar li għadda, tellaq 15-il darba fil-Grand Prix ta’ Monaco, u kien rebaħ fl-2009 meta kien ma’ Brawn GP. It-tiġrija tat-28 ta’ Mejju mistennija tkun it-306 tiġrija tiegħu, biex b’hekk jilħaq lil Michael Schumacher fit-tieni post fl-aktar dehriet.

Fl-aħħar erba’ tiġrijiet f’Monaco, Button kiseb il-punti, u fl-aħħar xhur kien jinsab f’California jikkompeti fit-triathlon, fejn fosthom aktar kmieni dan ix-xahar, spiċċaw l-ewwel fil-kategorija tiegħu fl-Ironman twila 70.3km, iżda kien skwalifikaw fiċ-ċikliżmu, minħabba li kien għaddej b’veloċità għola f’żona ta’ limitu.