Internazzjonali

Tensjoni dwar il-Eurovision: Ir-Russja tiddeċiedi li ma titrasmettix il-konkors

Ix-xandar Channel One tar-Russja, ix-xahar id-dieħel, mhux se jxandar il-Konkors tal-Kanzunetta Eurovision minħabba li l-kantanta li kellha tirrappreżenta lill-pajjiż f’dan il-konkors spiċċat ipprojbita mill-Ukrajna, li qed torganizza l-avveniment.

Sadanittant, il-European Broadcasting Union (EBU) qalet li d-deċiżjoni tar-Russja tfisser li dan il-pajjiż, issa, tilef kull ċans li jikkompeti fil-Eurovision ta’ din is-sena.

L-Ukrajna qed tirrifjuta li tippermetti lill-kantanta Russa, Julia Samoilova, biex tieħu sehem fil-Eurovision minħabba li hi kienet żaret il-penisola tal-Krimea, li r-Russi ħatfu lill-Ukreni fl-2014.

Fl-istess ħin, l-EBU ikkundannat l-aġir tal-Ukrajna, f’dan il-każ, u qalet li l-projbizzjoni ‘tmur kontra n-natura tal-konkors li ma tippermettix l-influwenzi politiċi’.

L-EBU, li tipproduċi l-Eurovision, qalet li offriet żewġ soluzzjonijiet possibbli lil Channel One. Il-proposti kienu biex Samoilova tkanta waqt il-finali b’xandira bis-satellita mir-Russja inkella li r-Russja tibgħat rappreżentant minflok din il-kantanta għall-Eurovision.

Intant, iż-żewġ proposti ma ntlaqgħux u x-xandar Russu, issa, għamilha ċara li mhux se jitrasmetti l-Konkors tal-Eurovision.

L-Ukrajna ddeċidiet li tagħlaq il-bieb għall-kantanta, Julia Samoilova, skont liġi li teskludi mill-pajjiż ‘kwalunkwe persuna li tkun daħlet fl-art tal-Krimea permezz tar-Russja.’

Min-naħa tiegħu, Frank Dieter Freiling, li jmexxi s-steering committee tal-Eurovision, fisser li l-projbizzjoni mill-Ukrajna ‘ittellef l-integrità tal-konkors u l-missjoni tagħha biex tgħaqqad lill-pajjiżi f’kompetizzjoni karatterizzata bi ħbiberija u sens ta’ rispett’. L-EBU, intant, insistiet li ‘xtaqet ħafna’ li t-43 pajjiżi-parteċipanti setgħu jieħdu sehem kollha fl-avveniment u li għamlet minn kollox biex dan isir.