Lokali

AĠĠORNATA: Caruana Galizia b’informazzjoni dwar Egrant u trasferiment ta’ flus; Schembri u Mizzi se jiftħu libell

Schembri u Mizzi b'libell kontra Daphne Caruana Galizia... dwar informazzjoni li għadha mhux żvelata

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat informazzjoni ġdida dwar it-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant Inc – kif ukoll dwar trasferiment ta’ flus fil-kontijiet marbuta mat-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama. Din l-aħbar – li xxerdet bħal leħħa ta’ berqa fuq is-social media – wasslet biex iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi joħroġu stqarrija u jgħid li se jiftħu libell fil-Qorti.

L-informazzjoni li żvelat Daphne Caruana Galizia tgħid li għandha informazzjoni li tindika min hu s-sid tat-tielet kumpanija sigrieta – Egrant u li se tkun qed tiżvelaha l-ġimgħa d-dieħla.

Daphne Caruana Galizia tgħid ukoll li għandha informazzjoni dwar bosta movimenti ta’ somom kbar ta’ flus minn kont bankarju ta’ esponenti marbuta mal-politiċi fl-Ażerbajġan lejn kontijiet bankarji tal-kumpaniji Egrant Inc, Hearnville Inc u Tillgate Inc. Hearnville Inc hija l-kumpanija tal-Ministru Konrad Mizzi u Tillgate Inc hija l-kumpanija ta’ Keith Schembri.

Biex kien hemm dan it-trasferiment tal-flus intuża bank Malti li twaqqaf f’din il-leġiżlatura, qalet Daphne Caruana Galizia.

Din l-istorja wasslet biex Keith Schembri u Konrad Mizzi joħorġu stqarrija u jgħidu li se jiftħu libell lil Caruana Galizia, u li se jitolbu lill-Qorti biex tisma’ dawn il-libelli b’urġenza.