Lokali

€1,320,194 miġbura b’risq Puttinu

Ilbieraħ fil-programm Xarabank, Puttinu Cares ġabar: €1,320,194

Matul il-lejl ta’ bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – eluf ta’ nies ħonqu t-toroq Maltin fil-mixja organizzata b’Risq Puttinu Cares bit-tema ‘Walk the Walk’, mill-Mellieħa tal-Isla.

Din is-sena aktar minn 10,000 persuna ħadu sehem f’din il-mixja ta’ solidarjeta’ ma’ dawk kollha jgħaddu mit-tbatija ta’ mard. In-Nazzjon tkellem ma’ Rennie Zerafa, wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-mixja, fejn stqarr li dan l-ammont ta’ nies ikompli jagħti kuraġġ mhux biss lilhom, imma anke lill-persuni fil-bżonn.

Rennie Zerafa tkellem ukoll dwar il-proġett ambizzjuż, fejn il-fondi miġbura f’dawn il-jiem se jmorru biex tinbena blokka appartamenti fl-Londra; dan sabiex il-pazjenti flimkien mal-familji tagħhom ma jkollomx piż finanzjarju kbir fuqhom minħabba l-kura meħtieġa barra minn Malta.

In-Nazzjon tkellem ukoll ma’ Joe Vella, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività, li 14-il sena ilu ħareġ bl-idea li tibda ssir din il-mixja. Hu spjega li l-iskop tal-mixja mhuwiex biex wieħed jiftaħar x’mixja ta’ erba’ sigħat għamel mill-Mellieħa sal-Isla – iżda li f’dawk is-sigħat, li ma jkunux faċli b’mixi bla waqfien għal 30 kilometru, tintwera solidarjetà ma’ min ikun għaddej minn tbatija akbar minħabba l-mard.