“Il-Prim Ministru tilef l-awtorità morali fuq il-Ministri u s-Segretarji Parlementari tiegħu bl-iskandlu tal-Panama Papers, hekk ukoll issa tilef kull awtorità li tista’ tikkumbatti lit-traffikanti tad-droga.”
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista jixtieq jagħti vuċi u jsemma l-leħen ta’ dawk il-ħafna ommijiet u missierijiet li jinkwetaw għal uliedhom minħabba li jibżgħu li jistgħu jaqgħu vittmi tad-droga.
Wara li sirna nafu l-eżitu tal-inkjesta falza dwar it-traffikanti tad-droga f’Għawdex, magħmula minn persuna waħda, ex-kandidat tal-Partit Laburista, nistgħu naslu għall-konklużjoni li kif il-Prim Ministru tilef l-awtorità morali fuq il-Ministri u s-Segretarji Parlementari tiegħu bl-iskandlu tal-Panama Papers, hekk ukoll issa tilef kull awtorità li tista’ tikkumbatti lit-traffikanti tad-droga.
L-MNPN sostnew, fiż-żminijiet li ġejjien, meta l-ġenituri u l-istess żgħażagħ, sfortunament, jgħaddu minn esperjenzi koroh relatati mad-droga, quddiem għajnejn il-vittmi ta’din il-pjaga, se jiġi l-każ tat-traffikanti tad-droga f’Għawdex li mhux biss ma ġewx ikkundannati iżda saħansitra ġew protetti minn esponenti għolja tal-gvern.
L-MNPN qalet li din ir-responsabbiltà għandu jerfgħaha Joseph Muscat la hu mhux lest jew mhux kapaċi jieħu azzjoni fuq skandlu tant gravi li jista’ biss jikkawża aktar traġedji fil-ħajja tal-poplu tagħna, b’mod partikolari f’dik taż-żgħażagħ.
//= $special ?>