Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq lesta tuża l-armi nukleari

Hekk kif is-Sibt, illum, il-Korea ta’ Fuq fakkret it-twelid tal-fundatur tal-pajjiż Kim il-Sung, ir-reġim ta’ Pyongyang wissa li kien lest iwettaq attakk b’armi nukleari. Dan jekk ikun provokat mill-Istati Uniti.

Bħalissa qed tbaħħar lejn ibħra Koreani flotta ta’ bastimenti tal-gwerra Amerikani.

F’Pyongyang għall-105 anniversarju mit-twelid ta’ Kim il-Sung, saret ukoll parata militari kbira fejn fost l-oħrajn għall-wiri kien hemm missili ballistiċi ġodda fosthom dawk li jistgħu jkunu sparati minn sottomarini.

Għad-differenza mill-passat iżda, f’din il-parata għall-aktar festa importanti fil-pajjiż, ma jidhirx li kien hemm rappreżentanti miċ-Ċina – l-akbar alleat tal-Korea ta’ Fuq. Iċ-Ċina din il-ġimgħa wissiet li fil-peninsola Koreana tista’ tfaqqa’ gwerra minn ħin għall-ieħor.

Dan ukoll sar fl-isfond ta’ indikazzjonijiet li l-Korea ta’ Fuq qed tlesti għal splużjoni nukleari oħra bi prova, is-sitt waħda minn dan il-pajjiż minkejja li n-Nazzjonijiet Uniti kienet ordnat biex dawn ma jsirux u xi ħaġa li l-President Amerikan Donald Trump wissa li kien wasal kiż-żmien li jieqfu. Hu appella għall-għajnuna Ċiniża f’din il-kriżi imma jekk le qal li l-Istati Uniti kienet lesta tagħmel li kellha tagħmel waħedha.

Issa l-Ħadd fil-Korea t’Isfel se jmur Mike Pence, il-Viċi Presient Amerikan għal taħditiet. Fil-pajjiż l-Istati Unti għandha stazzjonati mad-29,000 suldat.