Omm żagħżugħa li qed tagħmel programm ta’ riabitazzjoni mid-droga f’San Blas tirrakkonta d-dulur tagħha meta sejħulha l-Għassa tal-Pulizija flimkien ma’ binha ta’ ftit xhur u kienet kostretta tmur lura mingħajru
Minn Joe Cassar
Ma nagħtihiex tort li meta tasal il-festa tad-Duluri, u ġimgħa wara l-Ġimgħa l-Kbira, Tiziana tħares lura lejn id-dulur tagħha meta wara storja twila ta’ tbatijiet sa minn tfulitha, il-problemi li ħarbtulha ħajjitha wassluha f’sitwazzjoni li kellha tiċċaħħad mill-egħżeż ħaġa li kellha u għad għandha f’ħajjitha, binha ta’ sentejn.
Iltqajt ma’ Tiziana fiċ-Ċentru għar-Riabilitazzjoni mid-Droga li Caritas Malta tmexxi f’San Blas, fis-sezzjoni femminili ta’ din ir-residenza. Tlabtha tmur lura fis-snin u tgħidli x’tip ta’ tfulija għexet, biex forsi niskopri x’kien li wassalha biex fl-età relattivament żgħira ta’ 29 sena, Tiziana diġà daqet il-morr tal-ħajja fl-agħar togħma tiegħu.
Qaltli li l-problemi għaliha bdew fiċ-ċkunija u hi tattribwixxi l-bidu tagħhom l-aktar għat-twelid ta’ oħtha meta hi kellha sitt snin. Tgħid li l-attenzjoni tal-ġenituri marret totalment fuq oħtha u aktar ma beda jgħaddi żmien, hi aktar bdiet tħossha abbandunata u traskurata. Diġà kienet tħossha li trabbiet kważi maz-zijiet għax ommha kienet għadha żgħira u kienet taħdem meta kellha lilha.
“Il-kelma ‘inħobbok’ ma smajtha qatt mingħandhom. Interess fl-iskola tiegħi ma ħadu qatt. Kont inħossni neglected u fil-konfront ta’ oħti bdejt inħossni tassew inferjuri. Kont nara li serqitli l-attenzjoni kollha ta’ ommi u missieri u tal-oħrajn ukoll. Kienet ħelwa u xagħarha bjond u kulħadd jiggustaha. Iktar ma bdiet tikber il-karattru beda joħroġ iktar id-differenza minn tiegħi, fuq ruħha u titkellem u tkompli ma’ kulħadd waqt li jien noqgħod lura għax kont mistħija u kwieta ħafna. Kont inqatta’ ħafna ħin waħdi fil-kamra, u ħadd ma kien jimpurtah kif kont inħossni jien.”
Tiziana qaltli li qatt ma tiftakar li xi ħadd ġie għaliha l-iskola. Ma tiftakarx li xħin tasal id-dar kienet issib xi ħadd jilqagħha, u lanqas xi platt ikel sħun lest. Ħadd qatt ma staqsieha kif marret l-iskola, jekk ġralhiex xi ħaġa, għandhiex homework xi tlesti… U naturalment bdiet tinbet u tikber xi ftit għira wkoll għal oħtha, li kienet taraha trattata differenti.
Bdiet is-sekondarja, Tiziana. Imma l-atteġġjament tal-ġenituri fil-konfront tagħha tgħid li ma nbidilx. “Ma kontx ħażina fl-iskola, imma qatt ma kienu jgħiduli ‘studja’, qatt ma ħeġġewni biex inkompli l-iskola. Qatt ma kellmuni fuq karriera. Kliem bħal dan jien ma smajtu qatt.”
Tiziana tgħid li kienet tweġġa’ meta tisma’ tfal oħra jgħidu kemm jagħtu kashom il-ġenituri… min jgħid li llejla sejra ma’ ommha biex tixtrilha xi ħwejjeġ, min jgħid li llum iġri tmur id-dar għax ommha se ssajrilha l-ikel favorit tagħha… “Jien kont nilgħabha li ma nagħtix kas, mentri fil-fatt kont nittertaq minn ġewwa, għax jien naf li kont se nasal id-dar u qisu ma daħal ħadd,” qaltli Tiziana. “Kont nintefa’ fil-kamra tiegħi u għamiltx il-homework jew le dik problema tiegħi u tiegħi biss.”
Bdiet tesperimenta bid-droga
Tiziana għalqet 14. Tgħid li forsi kien dan l-atteġġament li wassalha biex tibda miexja fi triq oħra. Kienet titla’ fil-private tal-iskola, tbiddel, u meta tinżel, timxi sa bar pjuttost magħruf fl-inħawi tal-iskola, u tintefa’ hemm, naturalment ma’ nies ikbar minnha, uħud minnhom diġà ‘fit-triq’.
Minn hemm bdiet tesperimenta. Kienet diġà bdiet tpejjep il-ħaxixa ta’ dik l-età għax fil-weekends kienet diġà bdiet titla’ l-parties f’Paceville. Għalhekk, minn dan il-bar, fl-ambjent ta’ nies ferm ikbar minnha, bdiet bl-ismack. Kienet tissniffjaha għax kienet tibża’ mil-labar. Imma darba sabet wieħed li ħajjarha tittaqqab “għax l-effett ikun aħjar,” u bdiet it-triq tal-labar ukoll. Tiziana qaltli li dan il-ġuvni ftit żmien ilu miet b’overdose.
Ħarġet mill-iskola qabel għalqet 15. Il-ġenituri ma kellhom l-ebda problema u ħadd ma kkontradieha jew ħeġġiġha biex tkompli l-iskola. Sadanittant sabet bar ieħor aktar qrib ta’ fejn kienet toqgħod u bdiet tixtri minn hemm. Fil-weekend kienet taħdem ma’ zijuha, u ġġemma’ biżżejjed flus biex tixtri d-droga minn wara dahru u minn wara dahar il-ġenituri u oħtha, li ħadd minnhom ma kien induna x’inhi tagħmel. Tgħallmet tagħmel kollox weħidha, minn fejn tixtriha, kif tagħmilha, kif teħodha, u l-affarijiet bdew jiggravaw.
“Sakemm darba,” kompliet Tiziana, “kien għadu żmien l-MIRC u kont qed nikkomunika ma’ xi ħadd biex niltaqgħu u nieħdu u bil-fixla tlaqt ’il barra u ħallejt iċ-chat miftuħa. Daħlet ommi u qrat kollox. Jien mort il-Belt, ħadt, u wara ftit ommi ċemplitli u qaltli ‘ejja d-dar issa’.”
Tiziana qalet li ma tinsihiex dik ix-xena. “Missieri u ommi bilqiegħda fuq sufan u jakkużawni li qed nieħu d-droga. U jiena niċħad.”
Kienet għadha kemm għalqet 16-il sena. Ħaduha għat-test u kif irriżulta dak li ħasbu huma, “ħaduni l-Caritas.”
Bdiet il-programm, imma ma komplitux sal-aħħar. Ħarġet u bdiet taħdem f’fabbrika. Kienet iġġorr id-droga magħha. “Ma stajtx nagħmel ieħor. Biex naħdem ridt bilfors nieħu. Taħkmek taħt idejha d-droga, hi tikkontrollak mhux int. Tkun tixtieq tieqaf, jew li qatt ma bdejt, imma jkun tard wisq.”
Imbagħad Tiziana ltaqgħet ma’ ġuvni, non-user. Baqgħet tieħu minn wara dahru imma darba minnhom qaltlu bil-problema tagħha u ħadha bi kbira. Qalilha li lest jgħinha, basta tieqaf.
Ħarġet tqila
Ta’ 21 sena Tiziana ħarġet tqila. Kienet ilha tliet xhur tieħu waqt it-tqala għax ma ndunatx li kienet tqila. Imma mbagħad għamlet sforz kbir fuqha nfisha u ma missetx ma’ droga waqt il-kumplament tat-tqala.
Imma eżatt wara t-tqala tgħid li qabditha post-natal depression kbira. Lit-tarbija ma ridithiex. Kienet tmur għand ommha u tgħidilha “ħudha inti t-tifla għax jien ma rridhiex, ma rridhiex.” Bdiet tuża aktar minn qabel. Tgħid li missier it-tifla kien sta bene u qatt ma rrikorriet għal serq jew abbużi oħra. Lit-tifla żammitha hi, imma peress li kienet tħoss il-guilt-feeling, kienet tagħtiha li trid. “Kont immur nieħu, u peress li kont qisni qed nagħti rigal lili nnifsi, kont ta’ kuljum nieqaf it-toy shop u nixtri xi ħaġa lit-tifla biex nagħti rigal lilha wkoll. Hekk tellajtha jien, nagħtiha dak kollu li trid.”
Bid-dmugħ f’għajnejha, Tiziana tgħid li llum titkexkex tgħid l-affarijiet li kienet tagħmel. “Kont inħalliha rieqda u mmur b’tal-linja, anki ’l bogħod, infittex minn fejn se nixtri d-droga. Kieku kien ikun jaf missierha kien joqtolni, imma kollox minn wara dahru kont nagħmel. Ġieli anki f’nofs ta’ lejl kont inqum u noħroġ.”
Tgħid li darba tawha droga ħażina, li kienet tal-loppju, u wara li ttaqqbet għamlet tliet sigħat rieqda u meta tqum issib lit-tifla tibki u hi għadha bil-labra f’idha. “Iddeċidejt dak il-ħin li mmur Dar l-Impenn. Kont għajjejt. Lir-raġel nonfoqlu ħafna flus u nittaqqab f’kull ħin tal-ġurnata.”
Ir-relazzjoni bejnha u missier it-tifla, minkejja li żżewġu, bdiet sejra lura dejjem aktar. Kien jagħtiha l-affarijiet materjali li riedet, lil Tiziana, inkluż appartament ħdejn il-baħar u karozza ġdida, imma xejn aktar, lanqas jorqdu flimkien ma baqgħu.
Relazzjoni ġdida
Waqt li kienet Dar l-Impenn Tiziana ltaqgħet ma’ raġel, miżżewweġ ukoll, u beda jfissidha b’ħafna kliem sabiħ li qatt qabel ma kienet semgħet f’ħajjitha kollha. Bdew jiltaqgħu u wara ftit ftiehmu li hu jitlaq lill-mara tiegħu u hi lir-raġel tagħha u jmorru jgħixu flimkien f’appartament tiegħu.
Qatt ma kien ħa droga qabel hu, imma meta beda jara li hi ma tridx tieqaf, darba marret id-dar u sabet lilu qed jieħu. “Minn hemm bdiet battalja ħarxa, triq iebsa ħafna għalija. Bdejna nużaw it-tnejn, kien qed ikun hemm anki vjolenza bejnietna miż-żewġ naħat, sa anki ħriġt b’sikkina għalih darba quddiem it-tifla. In-nies bdew jgħidu lil ommi x’kien qed jiġri u darba ġiet u qaltli ‘dit-tifla għal miegħi.’ U jien ma oġġezzjonajtx, ħaditha magħha u hemm għadha sal-lum, u missierha jiġi jeħodha miegħu fil-weekends.”
Il-partner tagħha beda juża l-coke u kellha fuqu effetti tal-biża’. “Beda jsawwatni u ġieli anki rabatni u jakkużani li għandi lil xi ħaddieħor… abbuż mentali u fiżiku kien ikollu fuqi. Anki wiċċu kien jinbidel, barra minn fuqu kien jiġi qisu xitan.”
Wara xi disa’ xhur, għal darb’oħra Tiziana tiskopri li kienet tqila. Kien deher li feraħ ir-raġel u beda jgħdilha biex joqogħdu bil-għaqal. Kellhom ukoll kemxa flus tajba f’idejhom dak iż-żmien, għax biex tiffirma lill-eksraġel tagħha biex ikun jista’ jbigħ il-post li kellhom, talbitu €80,000. Biegħet ukoll il-karozza u sabet ruħha ruħi b’aktar minn €85,000 f’idha.
Imma dawn il-flus swewlhom aktar ta’ dannu milli ta’ ġid. Tgħid li l-partner tagħha meta ra dawn il-flus kollha f’idejh irvilla. “Beda jieħu l-coke minn filgħodu sa filgħaxija, jara affarijiet li ma kinux jeżistu, jiffantasizza, jimmaġina, isir vjolenti, u spiċċa ġej u sejjer Mount Carmel. Kissruna l-effetti tad-droga. Jien mort Dar Merħba Bik, imma kont xorta nibqa’ mmur narah Mount Carmel għax kont ngħid li mhux hu qed jaġixxi b’dak il-mod imma d-droga.”
Imbagħad Tiziana telqet minn Dar Merħba Bik u l-partner minn Mount Carmel u reġgħu bdew jgħixu flimkien, jistennew it-tarbija titwieled. Baqgħu jużaw flimkien. Meta twieled it-tifel u ratu fil-kundizzjoni li kien fiha, Tiziana tgħid li xtaqet tmut. “Qatt ma rajt babies hekk qabel. Lit-tabib bdejt naqbadlu jdejh u ngħidlu ‘Please, please, niżżilhuli l-MPICU (l-ITU tat-tfal) issa għax ħa jmut.’
Ma riditux jitwieled biex ma jbatix
Tiziana tammetti li waqt it-tqala lit-tifel ma riditux u ppruvat tneħħih kemm-il darba. Dan għax setgħet tobsor li ġej f’ambjent mhux xieraq u li fih kien destinat li jbati. “Ħadt ħafna droga fih biex ma nħallihx jitwieled għax ħassejt li kien se jitwieled biex ibati. Imma mbagħad kif twieled u rajtu jbati mill-ewwel għedt ‘dat-tifel irrid nagħmel kollox għalih. Irrid ngħix għalih.”
Meta marru lura d-dar kienu jżuruhom minn żmien għal żmien rappreżentanti tal-Aġenzija Appoġġ biex jaċċertaw ruħhom mill-kundizzjonijiet li jinsab fihom it-tifel. “Jiena bqajt nuża, imma lit-tifel kont nagħmel sforz kbir biex inżommu sew.
Imma fl-istess waqt Tiziana tgħid li huma kienu jindunaw li r-raġel kellu ċertu kontroll fuqha u anki ċertu temperament vjolenti. Kienu jissuspettaw li jien kont qed niġi msawta ta’ spiss.
Tirrakkonta li darba marru xi mkien biex jixtru u jieħdu d-doża tagħhom, u ċemplu tal-Appoġġ u jista’ jkun li kienet qabżitilha xi kelma li ma daqqitx tajjeb għal widnejh. Minkejja li kellha t-tifel fuqha, beda jtiha dak il-ħin stess. Il-mowbajl waqgħalha minn idha, imma min-naħa l-oħra baqgħu jisimgħu u bdew jisimgħuha tgħajjat ‘ajma, ajma’. Ma kinetx l-ewwel darba li taha xebgħa anki waqt li kellha t-tifel f’idejha.
Hekk kif waslu d-dar tara mill-ewwel karozza tal-Pulizija wara l-bieb. Hu ħareġ u baqa’ tiela’ fuq fl-appartament. Imma lilha qalulha biex iġġib xi affarijiet tagħha u tat-tifel għax kienu se jeħduha Għawdex. Minkejja kull reżistenza, kellha tmur magħhom Għawdex u wassluha sa Dar Emmaws.
Għamlet xahrejn hemm, imbagħad jum minnhom reġgħet lura Malta mal-partner magħha. Tiziana tgħid li dawk il-flus kollha – aktar minn €85,000 – kienu spiċċawlhom kollha f’inqas minn sitt xhur. Inħarqu kollha fi droga li baqgħu jieħdu flimkien. Il-problemi żdiedu flok naqsu.
Sejħulha l-Għassa
Jum minnhom ċempel it-telefon u kien Surġent tal-Pulizija li qalilha biex tmur l-Għassa għax riedu jkellmuha. Tiziana poġġiet it-tifel fil-pushchair u telqet lejn l-Għassa. Kif daħlet qalulha biex terfa’ t-tifel, tħalli l-pram isfel u titla’ fuq. Telgħet numru ta’ sulari taraġ tqandel it-tarbija u kif sabet l-ewwel kamra daħlet u nħasdet b’dehra ta’ xi sitt pulizija preżenti. Ammettiet miegħi li f’ħajjitha żbaljat ħafna, imma qatt ma serqet xejn lil ħadd, qatt ma rrikorriet għall-prostituzzjoni, u lit-tifel baqgħet dejjem iżżommu fl-aħjar kundizzjoni possibbli, kemm ta’ saħħa u ta’ iġene. L-unika ħaġa li setgħu jkellmuha fuqha kienet l-inkwiet kontinwu mal-partner tagħha.
Imma fil-pront tieħu l-qatgħa ta’ ħajjitha hekk kif tara ħerġin minn warajhom żewġ tfajliet li mill-ewwel immaġinat li kienu mill-Aġenzija Appoġġ.
Tiziana qaltli li ħaddnet it-tifel magħha u resqet lejn tieqa u tatha daqqa biex tinfetaħ beraħ. Qaltilhom: “Jekk se tmissuli t-tifel se naqbeż għal isfel bih b’kollox.”
Bdew jgħidulha biex tagħtihulhom bil-kelma t-tajba u baqgħu jinsistu minkejja reżistenza kbira li offriet. Imma mbagħad saħħitha marritilha u ċediet.
“Dulur kbir ħassejt dak il-ħin, meta ħriġt barra mill-Għassa mingħajr it-tifel miegħi, li lanqas kont ilħaqt gawdejtu sena.”
Ippruvat tagħmel suwiċidju
Lil Tiziana ħaduha dritt Mount Carmel u għall-ewwel ma kellha l-ebda forma ta’ tagħrif dwar x’ġara mit-tifel. “Ippruvajt nagħmel suwiċidju iktar minn darba.”
Aktar tard kienu jġibuhulha hemm lit-tifel, imma Tiziana tgħid li kienet tippreferi ma tarahx għax qalbha kienet tinqasam. Kienet taf li t-tifel kien fosterjat, imbagħad meta dara, għal xi raġuni kellhom jibdlulu l-familja u sab ruħu fosterjat f’familja differenti. Imbagħad kien ukoll f’istitut. “Kollha stalletti f’qalbi dawn,” tgħid imbikkma Tiziana.
Damet żmien twil Mount Carmel u darba ħarbet u għal jumejn ħadd ma kien jaf fejn tinsab. Ippruvat tagħmel suwiċidju b’overdose għal darba darbtejn. Tgħid li dawn l-affarijiet baqgħet tagħmilhom sa ftit xhur ilu u spiċċat saħansitra tlett ijiem fl-ITU l-Isptar Mater Dei.”
Tibda l-programm f’San Blas
Imma llum Tiziana tinsab f’San Blas tagħmel għal darb’oħra l-programm ta’ riabilitazzjoni. Din id-darba daħlet minn jeddha u għalhekk, fi kliemha stess, b’iktar determinazzjoni li tagħmel dan l-ewwel pass għal futur aħjar f’ħajjitha.
Staqsejtha x’futur tara. Tgħid li t-triq hi twila u iebsa. Triq tagħmel il-programm kollu b’suċċess u meta toħroġ minn San Blas tara li ħadd aktar ma jwaqqagħha fil-vizzju. Issib xogħol u tibda taħdem biex ikollha residenza deċenti biex b’hekk tkun tista’ tiggarantixxi li t-tifel jerġa’ jsib ruħu mħaddan magħha, biex tkun għalih l-omm li dejjem xtaqet li kellha. L-omm li tfissdu u tgħidlu li tħobbu. L-omm li tkun hemm kull meta jsejħilha u kull meta tara li għandu bżonn kelma ta’ faraġ u spalla fuqiex jistrieħ.
B’għajnejha ħomor, Tiziana temmet l-intervista tgħidli li tixtieq li jasal dak il-jum meta binha jkun miġbur magħha u ma’ oħtu. “Nixtiequ jikber miegħi u xi darba nirrakkontalu l-istorja kollha u nitolbu jaħfirli. Nixtieq narah sejjer l-iskola, inħeġġu biex jistudja u nagħtih il-futur li ma kellix jien. Li hemm bżonn nagħmel għalih. Lesta anki nerġa’ nibda nistudja u jkolli xogħol deċenti biex ibni ma jgħidx jien għandi ommi junky…”
Kienet se tibqa’ sejra Tiziana, imma l-ħin kien għamel tiegħu u r-residenti bdew jinġabru għall-ikla ta’ filgħaxija.
Bħalissa Tiziana qed tagħmel l-ewwel pass. Jekk jirnexxilha tagħmlu sal-aħħar tkun tista’ tibda l-pass ta’ wara. U ta’ wara, u ta’ wara. Sakemm il-ħolm tagħha tibda tirrealizzah. Rajt fiha mara li batiet u għadha qed tbati ħafna. Omm b’qalb kbira li taf tħobb. F’isem il-qarrejja kollha nawguralha li wara l-passjoni iebsa u twila li rat, ikollha hi wkoll il-qawmien għal futur aħjar.
* Tiziana hu isem fittizju biex tkun protetta l-identità tal-persuna intervistata.
▪ Min għandu problemi simili għal din l-istorja jista’ jagħmel kuntatt mal-Caritas fuq 21237935 jew 25906600.
//= $special ?>