L-FKNK qalet li hemm żbilanċ fl-infurzar tal-liġi, tgħid li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegha li kien biss għas-summien u mhux għall-gamien kien wieħed ineżistenti
L-FKNK ikkundannat il-ħsara volontarja u estensiva li saret f’diversi duri fir-Riżerva tal-Kaċċa tal-FKNK fil-Miżieb. L-FKNK qalet li l-vandali ħallew il-firma tagħhom permezz ta’ stickers li waħħlu.
L-FKNK għamlet din il-kundanna fi stqarrija li fiha esprimiet diżappunt dwar dak li sejħet żbilanċ fl-infurzar tal-liġi. Filwaqt li kkundannat kull illegalità marbuta mal-kaċċa u l-insib, l-FKNK qalet li hemm żbilanċ fl-infurzar tal-liġi u rreferiet għal rapport li l-grupp mill-Ġermanja CABS, bl-assistenza tal-pulizija u s-sezzjoni tal-WBRU deher jeħles numru ta’ gamiem li kien qed jinżamm f’guva privata fl-Għarb, Għawdex.
Dan meta hu legali li dawn jistgħu jinżammu fil-pusses personali u bl-FKNK tistaqsi x’kien hemm illegali. Staqsiet ukoll b’liema awtorità attivist tal-CABS kellu fil-pusses tiegħu gamiema. Dan meta l-WBRU bagħtet ittra lil kull kaċċatur biex twissieh li jekk jinqabad b’gamiema fil-pusses tiegħu jista’ jeħel sa €5,000.
Għaldaqstant, l-FKNK staqsiet jekk l-awtoritajiet, inkluz il-pulizija u l-WBRU humiex jieħdu l-passi legali fil-konfront tal-CABS, kif ukoll jinvestigaw il-vandaliżmu li sar ġol Miżieb biex forsi jispiċċa l-iżbilanċ fl-infurzar tal-liġijiet li jidher li qed issir fil-preżent?
Il-FKNK qalet li l-poplu Malti, inkluż il-kaċċaturi u n-nassaba, jistħoqilhom li jaraw li l-ġustizzja qed isir fil-gżejjer Maltin fuq bażi ugwali u rrispettivament miċ-ċittadinanza ta dak li jkun.
Fl-aħħarnett, il-FKNK irringrazzjat lill-kaccaturi tal-aġir eżemplari tul l-istaġun tal-kaċċa tar-Rebbiegħa li għalaq fl-14 ta’ April, liema staġun kien prattikament ineżistenti peress ukoll li dan kien miftuħ fi żmien ħażin għall passa tas-summien biss, kontra l-proposta li kienet għamlet il-FKNK fil-Kumitat Ornis biex l-istaġun ikun miftuħ bejn 10 u t-30 ta’ April.
//= $special ?>