Lokali

60% tal-impjegati ġodda tal-WSC ġejjin mid-distrett ta’ Konrad Mizzi

Konrad Mizzi

Kważi 60% tal-ħaddiema li fl-aħħar ġimgħat iddaħħlu jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Water Services Corporation, ġejjin mid-distrett elettorali tal-Ministru Konrad Mizzi.

Dan kien konfermat mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, minkejja li l-Ministru mingħajr Portafoll injora t-talbiet tal-istess gazzetta biex jipprovdi lista tal-lokalitajiet fejn huma residenti l-istess ħaddiema.

L-informazzjoni żvelata minn din il-gazzetta turi li kważi 60 persuna mill-mitt ħaddiem ġdid mal-istess Korporazzjoni ġejjin mill-Gudja, Ħal Tarxien, Fgura, Raħal Ġdid, bit-tnejn tal-aħħar li jiddominaw.

Filfatt, mill-Fgura u Raħal Ġdid, żewġ lokalitajiet fir-raba’ distrett kuntestat minn Konrad Mizzi, iddaħħlu jaħdmu 19-il fitter ġdid. 11-il fitter rreġistrati fuq il-Gudja, u 10 minn Ħal Tarxien wkoll iddaħħlu jaħdmu riċentament mal-Korporazzjoni li taqa’ taħt il-portafoll tal-istess Ministru Konrad Mizzi.

Il-kumplament tal-ħaddiema ġejjin minn bnadi qrib il-lokalitajiet li jifformaw parti mid-distrett elettorali tal-Ministru Konrad Mizzi, fosthom iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa u Marsaskala.

Sorsi qrib The Sunday Times saħansitra żvelaw kif wara dan ix-xenarju, uħud mill-ħaddiema ġodda saħansitra qalbu l-indirizz tagħhom fuq postijiet fir-raba’ distrett.

Il-Ministru Konrad Mizzi anke f’dan il-każ inqabad jigdeb meta ġġustifika l-impjiegi ġodda li qal li huma bżonnjużi biex jieħdu post dawk li rtiraw qabel l-2013.

Iżda minn Marzu 2013, il-Korporazzjoni rat żieda fl-impjegati, minn 946 għal iktar minn elf ħaddiem, kif ukoll fl-ispiża tal-pagi li telgħet b’żewġ miljun ewro.

U hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tkompli din il-ġirja ta’ tqassim ta’ impjiegi, tkompli tikber il-firda bejn il-kandidati tal-Partit Laburista, ilkoll urtati mill-aġir tal-Ministru Konrad Mizzi meqjus bħala ġirja għall-voti li qed titfa’ lill-kumplament tal-kandidati fi żvantaġġ.