Internazzjonali

Eluf ta’ immigranti salvati ‘il hinn mil-Libja matul il-‘weekend’ tal-Għid

Eluf ta’ immigranti kienu salvati mill-baħar ‘il hinn mill-kosta tal-Libja waqt waħda mill-aktar weekends attivi għall-iskwadri tas-salvataġġ fiz-zona.

Aktar minn 2,000 immigrant inħelsu mill-baħar nhar il-Ġimgħa, bi 3,000 oħra jsalvaw b’ħajjithom, nhar is-Sibt, waqt ħidma ta’ emerġenza simili fl-istess inħawi. Dawn il-mijiet kienu salvati waqt sensiela twila ta’ interventi separati li baqgħu għaddejjin għal sigħat ‘interminabbli’.

Madankollu, il-gwardjani tal-kosta Taljani qalu li talanqas 20 immigrant laħqu għerqu meta l-ħaddiema għall-għajnuna kienu qed jistinkaw biex isalvaw ‘il fuq minn 1,500 immigrant ‘waqt inċident partikulari’.

Fost il-mejtin kien hemm tfajjel ta’ tmien snin, b’kelliema jgħidu li t-temp sabiħ attwali, fir-reġjun, seta kien fattur ‘wara spinta ġdida ta’ tentattivi mill-immigranti biex jaqsmu bil-baħar lejn l-Ewropa’.

Il-Migrant Offshore Aid Station (Moas) qal li l-ħidma tas-salvataġġ ewlenija kienet bdiet fis-sigħat bikrin tas-Sibt u kompliet sallum, wara nofsinhar.

Filwaqt li dan il-grupp irnexxielu jsalva ‘waħdu’ madwar 450 immigrant, l-aħħar rapporti qalu li kien fadal xorta almenu 1,000 immigranti oħra  f’sitwazzjoni ta’ periklu.