Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tfallilha prova ta’ missila fost it-tensjoni

Uffiċjali fl-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel ikkonfermaw il-falliment, waqt prova, ta’ missila ballistika tal-Korea ta’ Fuq Komunista. Qed jingħad li l-missila splodiet fl-ajru, sekondi biss wara li kienet sparata minn sit partikulari fiz-zona tal-port ta’ Sinpo.

Id-disfatta għall-Korea Komunista seħħet meta r-reġim fi Pyongyang qed iżid it-theddid fil-konfront tal-Istati Uniti u meta r-reġjun tal-Asja jinsab maħkum mit-tensjoni minħabba l-possibbiltà ta’ azzjoni militari għal għarrieda mill-militar ta’ Pyongyang.

Ftit sigħat qabel l-aħħar prova, il-Korea ta’ Fuq organizzat parata militari kbira fi Pyongyang li fiha spikkaw numru ta’ missili ballistiċi li jingħad li kapaċi jwasslu fuq distanzi twal. Il-prova falluta, intant, seħħet wara li r-reġim ta’ Kim Jong-un laħaq wettaq diġà ħames provi nukleari u sensiela ta’ provi bil-missili, bi sfida ċara għar-riżoluzzjonijiet imressqa min-Nazzjonijiet Uniti.

Filwaqt li l-missila suġġetta għall-aħħar prova setgħet kienet ta’ tip interkontinentali, l-investigazzjonijiet relatati qed ikomplu. Dan meta sorsi qrib il-qawwiet tal-baħar Amerikani qalu li l-missila ‘splodiet kważi mal-ewwel u mingħajr l-ebda effett’.

L-aħħar żviluppi marbuta mal-Korea ta’ Fuq seħħew meta l-Viċi-President Amerikan Mike Pence kien wasal f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel. Pence, li qed isegwi programm ta’ għaxart ijiem fil-kontinent tal-Asja, qed jiddiskuti l-aħjar mod kif l-Istati Uniti u l-alleati Asjatiċi jistgħu jwieġbu għall-programmi nukleari u missilistiċi ta’ Pyongyang. Dan ukoll waqt li hu qed jinsisti bl-impenn ta’ Washington li jappoġġja lill-alleati tar-reġjun waqt il-kriżi.

L-inċertezza madwar l-Asja bħalissa qed tinħass l-aktar fil-Korea t’Isfel u l-Ġappun – ġirien ewlenin tal-Korea ta’ Fuq li, nhar is-Sibt li għadda, immarkat il-105 anniversarju mit-twelid ta’ Kim Il-Sung, li kien il-fundatur u l-ewwel mexxej tal-Istat Komunista.

Sadanittant, il-fatt li l-bastimenti tal-gwerra ma’  aircraft carrier group tal-Istati Uniti jinsabu fi triqthom lejn ‘ir-reġjun jaħraq’ qed ikompli jżid it-tensjoni fil-penisola Koreana.