Lokali

Jiksru l-kodiċi tal-etika: miljun ewro għal iktar minn 30 kelliem tal-Gvern

Il-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas iktar minn miljun ewro fis-sena biex il-gvern ikun jista’ jimpjega iktar minn tletin kelliem.

Żvelat dan il-gazzetta The Sunday Times of Malta, li sejħet l-ammont esaġerat ta’ kelliema għall-Gvern bħala armata. Sitta minnhom huma impjegati f’uffiċċju wieħed – dak tal-Prim Ministru.

Biex wieħed jieħu idea ta’ kemm dan l-amont hu kbir, il-Kummissjoni Ewropea li trid tieħu ħsieb 28 stat membru, għandha biss 20 Kelliem, 22 assistent u 34 uffiċjal għall-midja.

Iżda minkejja dawn il-Kelliema kollha, il-Gvern Laburista ddistingwa ruħu għal kemm-il talba għall-infomazzjoni ġiet injorata.

Bl-ammont esaġerat ta’ kelliema impjegati miegħu, il-Gvern Laburista saħansitra qed jikser il-kodiċi tal-etika maħruġ mill-Gvern Laburista stess sentejn ilu, fejn jingħad li l-ministeri għandu jkollhom biss segretarju għall-komunikazzjoni wieħed.

Minbarra l-uffiċċju tal-Prim Ministru, anke l-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech jikser il-kodiċi tal-etika bi tliet uffiċjali għall-komunikazzjoni. Tnejn kull wieħed huma impjegati mal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Jekk wieħed jgħodd dawk impjegati fi Brussell, ħamsa, it-total jitla’ għal tlieta u tletin ħaddiem. Iżda anke jekk dawn ma jiġux magħduda mat-total, xorta waħda l-kodiċi ta’ etika għall-Ministeri revist fl-2015 ikun qed jinkiser.

Skont il-kodiċi tal-etika, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-ministeri differenti u l-uffiċċji tas-Segretarji Parlamentari għandhom jimpjegaw massimu ta’ 22 uffiċjal għall-komunikazzjoni.

The Sunday Times of Malta baqgħet bla tweġiba għal mistoqsijiet li bagħtet iktar minn ġimgħa ilu – il-Gvern la wieġeb għaliex inħatru tant kelliema bi ksur tal-kodiċi tal-etika, u lanqas jekk dawn inħatrux biss fuq bażi temporanja għal tul il-Presidenza.