Il-Ministru Konrad Mizzi għadu qed jaħrab milli jagħti tweġibiet dwar il-vjaġġi spissi tiegħu lejn l-Ażerbajġan – pajjiż bi tbajja ta’ korruzzjoni u abbuż tal-poter.
Mistoqsi għad-dettalji u biex jipprovdi l-ammont ta’ vjaġġi li għamel lejn dan il-pajjiż, l-uffiċċju tal-Ministru Konrad Mizzi nħeba wara l-iskuża tal-ammont kbir ta’ dokumenti li jridu jiġu analizzati.
Kien ix-xahar li għadda li The Sunday Times of Malta għamlet it-talba għall-informazzjoni, bl-uffiċċju jirrispondi li għandu bżonn iżjed żmien. Ir-risposta waslet lil din il-gazzetta fl-aħħar ġurnata permissibbli mil-liġi.
Mindu l-Gvern Laburista ħa l-poter, Malta rat ir-relazzjoni tagħha mal-Ażerbajġan tiżdied u titjieb drastikament ma’ dan il-pajjiż li l-President tiegħu, Ilham Alijev, fl-2012 rebaħ it-titlu tal-iktar bniedem korrott mill-għaqda mhux governattiva li tmexxi l-Organised Crime and Corruption Reporting Project.
L-istess uffiċċju tal-Ministru konrad Mizzi rrifjuta li jagħti dettalji dwar kemm-il laqgħa saret mal-kumpanija tal-istat tal-Ażerbajġan li tieħu ħsieb iż-żejt tal-pajjiż.
Il-kap ta’ din il-kumpanija, Rovnag Abdullayev, kien f’pajjiżna fl-2015 biex segwa l-logħba bejn Malta u l-Ażerbajġan u matul l-istess żjara kellu laqgħat ukoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
It-talba għall-informazzjoni dwar iż-żjarat tal-Ministru Konrad Mizzi lejn l-Ażerbajġan saret ukoll fid-dawl li wħud miż-żjarat inżammu sigrieta u kienu żvelati biss mill-ġurnali lokali.
Fost dawn iż-żjarat li nkixfu mill-midja lokali, dik tal-Prim Ministru joseph Muscat f’Diċembru tal-2014, fejn saħansitra ġie ffirmat Memorandum of Understanding. Xhur biss wara, persuni qrib il-Ministri tal-Ażerbajġan bdew jiftħu kumpaniji f’Malta permezz tal-kumpanija Nexia BT.
Fl-2016, rapport ippubblikat minn Carnegie Endowment for International Peace identifikat lil Malta bħala wieħed mill-postijiet ewlenin fejn uffiċjali korrotti mill-Ażerbajġan jżommu flushom.
//= $special ?>

