Emma Morano, li kienet l-akbar anzjana tad-dinja u li ħajjitha ġebbdet għal tliet sekli, mietet fil-belt ta’ Verbania, fl-età ta’ 117 il-sena.
Mewtha tħabbret tard fil-lejl tas-Sibt u meta hi, sa ftit ilu, kienet magħrufa uffiċjalment bħala l-aħħar persuna ħajja li kienet twieldet qabel l-1900.
Morano twieldet fid-29 ta’ Novembru tal-1899 fir-reġjun ta’ Piemonte u baqgħet sal-aħħar ta’ ħajjitha tattribwixxi l-għomor twil tagħha għall-ġenetika kif ukoll għal ‘dieta li kienet tinkludi l-bajd nej, kuljum’.
Emma Morano kienet l-akbar fost tmien aħwa li kollha mietu qabilha. Hi mhux talli għexet minn tliet sekli, iżda kellha wkoll l-esperjenza ta’ ‘żwieġ abbużiv’, filwaqt li kienet destinata biex titlef l-uniku tifel li qatt welldet. Tul ħajjitha, Morano għaddiet ukoll mill-esperjenza ta’ żewġ gwerer dinjija waqt li għexet taħt 90 Gvern Taljan.
F’waħda mill-aħħar intervisti li sarulha, Morano ammettiet li l-ġenetika kellha x’taqsam, f’parti, ‘mar-raġuni li hi damet għaddejja għal daqshekk’. Dan meta ommha kienet għexet għal 91 sena, bi wħud minn ħutha anki jsiru ċentinarji.
Iżda Morano anki kienet tattribwixxi għomorha twil lid-dieta mhix tas-soltu ta’ tliet bajdiet kuljum – tnejn minnhom nejjin – li hi ma qatgħet qatt għal 90 sena sħaħ. Hi kienet qabdet din id-dieta ‘fuq parir ta’ tabib’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha ddeċidiet li tnaqqasha ‘għal żewġ bajdiet biss, kuljum, u xi ftit biskuttini’.
Fil-fatt, Carlo Bava, li kien it-tabib tal-anzjana għal dawn l-aħħar 27 sena, ikkonferma li Emma Morano rari kienet tiekel il-ħaxix u l-frott.
Sadanittant, Morano kienet tgħid li rnexxielha tgħix daqstant fit-tul (anki) minħabba d-deċiżjoni tagħha, fl-1938, li tissepara minn mar-raġel li żżewġet – b’dan iseħħ sena wara l-mewt ta’ binha (tarbija) fl-età ta’ sitt xhur biss. L-anzjana kienet irrakkuntat li ‘ma kellhiex żwieġ feliċi’ u li, fil-verità, hi qatt ma kienet interessata li tiżżewweġ lil xi ħadd ‘wara li miet iż-żagħżugħ li hi kienet tħobb tassew, matul l-Ewwel Gwerra’.
Emma Morano kienet baqgħet tgħix fl-appartament żgħir tagħha (ta’ żewġ kmamar) f’Verbania, tul l-aħħar 20 sena ta’ ħajjitha.
U – skont il-Gerontology Research Group (GRG), ibbażat fl-Istati Uniti – l-akbar anzjana tad-dinja, issa, hi mara mill-Ġamajka, bl-isem ta’ Violet Brown, li twieldet fl-10 ta’ Marzu tal-1900.
//= $special ?>

