Futbol Sport

Man United jegħlbu lil Chelsea u jiftħu l-kampjonat

Marouane Fellaini jipprova jżomm il-pussess minkejja li ssikkat minn N'Golo Kante (Ritratt: EPA)

It-taqtigħa għar-rebħ tal-Premier League Ingliż reġgħet infetħet, wara li Manchester United għelbu lil-liders Chelsea 2-0 f’Old Trafford, biex issa l-vantaġġ ta’ Chelsea fuq Tottenham, niżel għal erba’ punti.

Manchester United fetħu l-iskor wara seba’ minuti meta Ander Herrera għadda passaġġ min-nofs id-difiża ta’ Chelsea lejn Marcus Rashford, li avvanza u għeleb lil Asmir Begovic mill-kaxxa b’xutt fil-baxx. Ir-Red Devils irduppjaw fid-49 minuta. Kienet azzjoni persistenti ta’ Ashley Young, bil-ballun jispiċċa għand Ander Herrera li xxutja minn tarf il-kaxxa, bil-ballun ikun imxellef u jqarraq b’Asmir Begovic.