Lokali

Muscat fi kriżi: Possibilità ta’ elezzjoni bikrija f’Lulju

L-iskandlu tal-Panama Papers għadu qed jaħkem lill-Gvern ta' Muscat – dan hekk kif informazzjoni ġdida se tiġi żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Joseph Muscat jinsab fi kriżi – hekk elezzjoni bikrija f’Lulju għadha mhux eskluża. Il-gazzetta The Malta Independent żvelat li sorsi mill-Gvern qalu li elezzjoni ġenerali f’Lulju m’għandix tiġi eskluża, dan minkejja li l-media lokali qed tiffoka fuq Novembru.

The Malta Independent qalet li l-akbar motivazzjoni li għandu Joseph Muscat biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija f’Lulju hu l-fatt li l-iskandlu tal-Panama Papers għadu qed jaħkem lill-Gvern tiegħu – dan hekk kif informazzjoni ġdida se tiġi żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din tal-aħħar stqarret li għandha informazzjoni dwar min hu s-sid tat-tielet kumpanija fil-Panama – il-kumpanija Egrant – flimkien ma’ dettalji dwar transizzjonijiet bejn dawn il-kumpaniji bi flejjes kbar involuti.

Skont il-gazzetta, Joseph Muscat qed jaffaċċja wkoll problemi interni minn numru kbir ta’ partitarji Laburisti. Dawn il-partitarji Laburisti qegħdin jitkellmu pubblikament jattakkaw u jikkritikaw lill-Gvern ta’ Joseph Muscat dwar il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ kredibilita’. Saħansitra dawn l-istess nies qegħdin issa jissieħbu fil-Partit Nazzjonalista.

Fost id-diversi sinjali għall-elezzjoni bikrija f’Lulju hu l-fatt li hemm żieda kbira fil-livell tal-attivita’ fil-Ministeri tal-Gvern Laburista. L-istess gazzetta qalet li numru ta’ sorsi f’karigi importanti fil-Gvern qalu li s-segretarji fil-Ministeri diġa tpoġġew fuq stop leave.

The Malta Independent qalet li indikatur ieħor li juri li l-Gvern Laburista jista’ jsejjaħ elezzjoni f’Lulju huma d-diversi billboards ta’ propaganda li Gvern poġġa madwar Malta u Għawdex.