Lokali

Paniku fil-PL: Marlene Farrugia tgiddeb lill-media Laburista

Il-post fuq Facebook ta' Marlene Farrugia
Din ma kenitx l-ewwel falza stikka tal-Partit Laburista fl-aħħar jiem

F’Jum l-Għid il-Kbir, il-gazzetta it-Torċa u l-media tal-Partit Laburista vvintaw storja li bħala parti mit-taħdidiet mal-Partit Nazzjonalista, l-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia talbet li, jekk ma tiġix eletta fl-elezzjoni li jmiss, tiġi co-opted fil-Parlament.

Din l-istorja ġiet miċħuda b’mod immedjat minn Marlene Farrugia li fuq Facebook, qalet li tant kemm il-Partit Laburista jinsab f’paniku, li issa spiċċa jivvinta l-affarijiet. Saħansitra, hi qalet li kieku riedet siġġu Parlamentari, kienet tibqa’ mal-‘Panamagang’.

Minn meta tħabbar li d-diskussjonijiet bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku jinsabu fi stadju avvanzat, il-Partit Laburista – viżibilment f’paniku kbir – nfexx f’kampanja ta’ attakki personali fuq Marlene Farrugia u Simon Busuttil.

Din ma kenitx l-ewwel falza stikka tal-Partit Laburista fl-aħħar jiem. Fost l-oħrajn, fil-jiem li għaddew, il-gazzetta l-Orizzont ħarġet bi storja ‘esklussiva’ li l-mara ta’ Beppe Fenech Adami se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Storja li ġiet deskritta bħala April’s Fool – imma sitt ijiem tard – minn Ann Fenech Adami.