Futbol Sport

Suċċess fl-ewwel programm ta’ Erasmus+

Il-grupp ta' uffiċjali li kienu l-Iskozja (Ritratt: Stephen Gatt)

Grupp ta’ amministraturi minn għaxar nurseries differenti tal-futbol flimkien ma’ membri mill-Kunsill tal-Youth FA rritornaw mill-Iskozja wara l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġett ta’ Erasmus+.

Dan il-prgramm ta’ taħriġ imsejjaħ #The Goal – Investing in our people, kien ospitat mill-klabb tal-futbol Skoċċiż Kilmarnock. Il-programm ġie mfassal minn Stephanie Rocco (Koordinatriċi tal-Proġetti finanzjati mil-UE f’isem il-YFA) u Brian Sproul f’isem il-klabb ta’ Kilmarnock u Scottish YFA.

L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li l-amministraturi tan-nurseries jieħdu idea aħjar ta’ dak li qed jiġri barra minn xtutna fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-futbol taż-żgħażagħ u b’hekk jiżviluppaw ideat ġodda dwar kif jistgħu jmexxu n-nurseries tagħhom b’mod aktar professjonali u effiċjenti.

Waqt iż-żjara tagħhom il-parteċipanti kellhom diversi laqgħat u diskussjonijiet fuq temi varjati bħal protezzjoni tat-tfal, etika, kowċing pożittiv kif ukoll ħarsa lejn l-aspett tal-komunità.

Huma kellhom l-opportunità li jsegwu mill-qrib kif topera l-akkademja fi ħdan il-klabb ta’ Kilmarnock flimkien ma’ żjarat oħra fil-klabbs ta’ livell grassroots.  Il-parteċipanti kellhom ukoll placements fejn setgħu josservaw kif jaħdmu xi dipartimenti fil-klabb ta’ Kilmarnock.

Waqt li kienu ospitati f’Hampden Park, l-amministraturi Maltin kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-Kap Eżekuttiv tal-Iscottish Youth FA u uffiċjali oħra fejn flimkien iddiskutew u qasmu ħsibijiet dwar is-similaritajiet li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll dwar il-futur tal-logħba tal-grassroots.

Il-parteċipanti mexxew sessjonijiet interattivi ta’ evalwazzjoni fejn iddiskutew il-punti prinċipali fl-aħħar ta’ kull ġurnata ta’ taħriġ. Huma qasmu l-ideat tagħhom dwar kif jistgħu jitranġaw l-istandards lokali sabiex flimkien ikomplu jikkontribwixxu għall-iżvilupp fit-tul kemm tal-plejer kif ukoll tan-nurseries tal-futbol lokali.

Il-kontinġent Malti organizza wkoll lejla Maltija “Taste of Malta” li għaliha attendew numru sabiħ ta’ nies mill-klabb ta’ Kilmarnock, l-Iscottish FA kif ukoll mill-Kunsill ta’ East Ayrshire u l-Kunsill Sportiv tar-reġjun.

Il-parteċipanti stess ħejjew selezzjoni ta’ ikel u ħelu tipiku Malti li niżel tajjeb ħafna mal-mistednin. Din l-attività setgħet tkun suċċess grazzi għall-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien ma’ numru ta’ produtturi tal-ikel u xorb lokali.

Il-grupp attenda wkoll logħba mill-Premiership Skoċċiż, bejn Rangers u Motherwell fl-istadium ta’ Ibrox. Hemmhekk kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-plejer żagħżugħ promettenti Malti Myles Beerman li jilgħab ma’ Glasgow Rangers.

Il-Youth FA se tkompli taħdem sabiex ixxerred l-esperjenza pożittiva fl-Iskozja. Fil-fatt il-parteċipanti intalbu jippreżentaw ideat u proposti li jistgħu jimplimentaw fin-nurseries tagħhom bħala parti mil-kontinwazzjoni ta’ dan il-proġett.

Il-Youth FA se tkun qed issegwi mill-viċin it-twettiq u l-progress tal-proposti u proġetti li ser ikunu preżentati mill-parteċipanti. Sadanittant il-Youth FA se tkompli taħdem biex tiżviluppa u tipprovdi opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu għall-amministraturi tan-nurseries membri tagħha.

L-esperjenza f’Kilmarnock l-Iskozja kellha l-appoġġ tal-programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus+.

Tags