Lokali

Anzjan jaħtaf tifla u jabbuża minnha f’garaxx f’San Pawl il-Baħar

Il-każ seħħ f'Sibt il-Għid

Tifla ta’ 13-il sena rrakkuntat l-esperjenza trawmatika li għaddiet minnha nhar is-Sibt filgħodu, meta waqt li kienet miexja fi triq f’San Pawl il-Baħar spiċċat maħtufa minn raġel anzjan li sfurzaha tidħol f’garaxx fejn abbuża minnha.

Il-gazzetta In-Nazzjon żvelat kif informazzjoni li waslet għand il-Pulizija kienet kruċjali biex wara l-att moqżież u abbużiv tiegħu, l-istess anzjan kien arrestat mill-Pulizija tad-distrett ta’ San Pawl il-Baħar u kollegi tagħhom mit-Taqsima Kontra l-Vizzji.

Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta li kollox beda għall-ħabta tal-10.30 ta’ filgħodu nhar is-Sibt meta t-tifla ta’ 13-il sena, Bulgara residenti f’San Pawl il-Baħar flimkien mal-ġenituri tagħha, kienet għaddejja għall-affari tagħha minn triq partikolari.

Raġel anzjan ta’ 70 sena, Taljan residenti wkoll f’San Pawl il-Baħar, waqqaf lit-tifla u sfurzaha tidħol f’garaxx fejn ġegħilha tagħmel affarijiet żienja kontra r-rieda tagħha. It-tifla, imbikkma u xxukkjata, irnexxielha taħrab lill-anzjan u tfittex l-għajnuna. Hi marret jew ittieħdet għand il-ġenituri tagħha fejn tolfoq u tibki rrakkuntat dak kollu li kienet għaddiet minnu.

Immedjatament kienet infurmata l-Pulizija ta’ San Pawl il-Baħar li ngħatatilha deskrizzjoni preċiża ta’ min kien l-anzjan li hu residenti f’San Pawl stess. Grazzi għall-informazzjoni li l-Pulizija kienet irċeviet, skattat tfittxija immedjata għall-istess anzjan, li nqabad ftit tal-ħin wara u kien arrestat.

L-investigazzjoni tal-Pulizija kienet waħda konġunta bejn il-Pulizija tad-distrett ta’ San Pawl il-Baħar u l-Pulizija tat-Taqsima Kontra l-Vizzji li wara li arrestaw lill-anzjan interrogawh ripetutament u fit-tul dwar l-allegazzjonijiet li għamlet it-tifla u finalment ikkonkludew li hemm aktar minn raġunijiet suffiċjenti biex l-anzjan jitressaq il-Qorti. Mhux magħruf jekk l-anzjan hux se jitressaq il-Qorti llum stess b’arrest.

Sadanittant it-tifla kienet riferuta fl-Isptar Mater Dei biex tkun stabbilita l-kundizzjoni ta’ saħħitha u jkun stabbilit eżatt safejn wasal l-anzjan fl-azzjoni tiegħu. Sakemm In-Nazzjon marret għall-istampa tard ilbieraħ filgħaxija, l-anzjan Taljan kien għadu miżmum mill-Pulizija.