Numru ta’ barranin ingħataw iċ-ċttadinanza Maltija mingħajr ma kellhom għalfejn jippreżentaw ċertifikat tat-twelid, skont rapport ippubblikat fil-gazzetta Times of Malta.
The Times qalet li tal-anqas żewġ persuni li applikaw biex jixtru ċ-ċittadinanza, taħt l-iskema tal-Gvern tal-bejgħ tal-passaporti, ingħataw kartà tal-identità proviżorja mingħajr ma ppreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid.
Bl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, il-Gvern ibigħ iċ-ċittadinanza Maltija lil dawk li jkunu lesti li jħallsu ammont ta’ flus.
The Times qalet li kien il-Ministru Owen Bonnici stess li kkonferma li kien hemm min ingħata passaport Malti mingħajr ma ppreżenta ċertifikat tat-twelid, imma żied jgħid li ma sar xejn ħażin fil-proċess għax kull min japplika jgħaddi minn proċess rigoruż.
Skont The Times, Owen Bonnici ġġustifika li hemm barranin li ngħataw passaport mingħajr ma ppreżentaw ċertifikat tat-twelid peress li hemm pajjiżi b’sistemi differenti fejn iċ-ċertifikat tat-twelid m’huwiex normali daqs kemm hu normali f’pajjiżi oħra.
“Mhux kull ġurisdizzjoni għandha l-istess sistema. Faċli għalina li ngħidu li ċ-ċertifikat tat-twelid huwa xi ħaġa bażika, imma mhux kull ġurisdizzjoni għandha l-istess sistema bħal tagħna”.
Dawk li skont The Times ngħataw iċ-ċittadinanza mingħajr ma ppreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid ġejjin mill-Indja u l-Lebanon. Skont riċerka minn The Times, iż-żewġ pajjiżi joffru possibiltà li jipprovdu ċ-ċertifikat tat-twelid lil min jitolbu.
Bl-għoti taċ-ċittadinanza, il-barranin ikollhom l-istess drittijiet bħal-Maltin, fosthom id-dritt tal-vot.
//= $special ?>