L-istorja dwar l-identità tas-sid veru tal-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ ġiet deskritta mill-Ministru Chris Cardona bħala “gidba” minkejja li l-identità għadha ma ġietx żvelata. Cardona qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li fi tmiem il-ġimgħa indikat li se tkun qed tippubblika l-identità tas-sid veru ta’ Egrant, waħda minn tliet kumpaniji sigrieti li nfetħu fil-Panama flimkien mal-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
“Stejjer li huma kompletament fallaċi, li huma mimlijin gideb, li m’hemm l-ebda verità fihom” qal Chris Cardona, b’referenza għall-artikli ppubblikati fi tmiem il-ġimgħa dwar movimenti ta’ flus mill-Ażerbajġan lejn il-kontijiet tal-kumpaniji sigrieti.
Mistoqsi jekk jafx ta’ min hi Egrant, jew inkella ta’ min jaħseb li tista’ tkun, id-Deputat Mexxej Laburista wieġeb hekk: “le, aħna ma nafux min hu l-owner jew il-benefiċjarju tal-kumpanija Egrant”.
Id-dikjarazzjoni ta’ Chris Cardona, li la hu u l-anqas ta’ madwaru ma jafu ta’ min hi ‘Egrant’, tqanqal numru ta’ mistoqsijiet, peress li ftit tal-ġimgħat ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li l-kumpanija ‘Egrant’ hija ta’ Brian Tonna ta’ Nexia BT. Dakinhar, Joseph Muscat kien infexx jgħajjar lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Cardona komdu bir-relazzjoni ta’ Malta mal-Ażerbajġan: “Irridu naraw fejn jaqblilna”
Nhar is-Sibt, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li għandha informazzjoni ta’ movimenti ta’ somom kbar ta’ flus li għaddew minn kont bankarju ta’ politically-exposed-person fl-Ażerbajġan għall-kontijiet bankarji tal-kumpaniji sigrieti Hearnville, Tillgate u Egrant.
Mistoqsi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet jekk iħossux komdu bir-relazzjoni ta’ Malta mal-Ażerbajġan, id-Deputat ta’ Joseph Muscat qal li l-Ażerbajġan huwa pajjiż li huwa msejjaħ bħala “demokrazzija ta’ tkabbir” li fih hemm il-prosperità. B’risposta għall-mistoqsija ta’ NET News żied li “aħna rridu naraw l-interessi tagħna, fejn jaqblilna”.
//= $special ?>