Lokali

Imniedi l-Istandard dwar il-parteċipazzjoni tal-minuri fil-komunikazzjoni politika

It-tfal huma suġġetti attraenti għar-reklamar ta’ prodotti u servizzi u ma jistax jonqos li hekk kif l-elezzjoni ġenerali toqrob, l-immaġini tagħhom tintuża’ wkoll għall-komunikazzjoni politika.

F’pajjiż fejn kulħadd jaf lil kulħadd u d-deni tal-elezzjoni jibda jinħass, il-Kummissarju għat-Tfal tħoss l-importanza li l-adulti jkunu konxji mill-effett li wiri ripetut tal-immaġini tat-tfal jista’ jħalli fuq il-minuri.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tagħti lill-minuri l-jedd li jipparteċipaw, jiffurmaw opinjoni u jassoċjaw ruħhom ma’ partit jew ieħor.

Madankollu, il-Kummissarju għat-Tfal tħoss li din il-parteċipazzjoni attiva mill-minuri spiss tiġi sfruttata minn aġenti kkummisjonati u minn ġenituri, li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom għal din il-parteċipazzjoni. Ftit huma dawk li jqisu l-effetti fit-tul tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-kampanji elettorali, bi xbihat ta’ minuri fuq ‘billboards’ u materjal politiku ieħor jistgħu xi kultant iwasslu għal ibbuljar u għal diskriminazzjoni.

Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal talab lill-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tfassal ‘standards’ għall-parteċipazzjoni tal-minuri f’komunikazzjoni politika, kampanji elettorali, referenda u kulma għandu x’jaqsam mal-votazzjonijiet. L-Istandard tfassal minn Kumitat Tekniku, bis-sehem fost l-oħrajn tal-Partit Nazzjonalista.

L-Istandard joffri linjigwida ċari lill-aġenti kkummisjonati u l-ġenituri kollha għall-protezzjoni u l-appoġġ lill-minuri, fl-istadji kollha tal-produzzjoni. L-Istandard jeżiġi li qabel il-kunsens tal-ġenituri, isir assessjar minn professjonisti rikonoxxuti fil-qasam soċjali ħalli jiġi żgurat li t-tfal ikunu jafu kif u fejn se jidhru, iżda wkoll biex ikunu konxji minn xi impatt negattiv qabel jinghata l-kunsens.

L-Istandard hu miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sal-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju u kopja tiegħu jista’ jinkiseb mill-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-MCCAA, Direttorat tal-Istandardizzazzjoni, Dar Mizzi, Triq Nazzjonali, Blata l-Bajda.