BLOGS

Issa jmiss l-attakk fuq l-GĦID

Ftit ġimgħat qabel l-aħħar tas-sena kont ktibt dwar kif fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħrajn kien jidher ċar li kien hemm min kellu interess biex il-kelma Milied titwarrab min-nofs u flokha jdaħħlu kliem bħal season’s greetings, season’s holidays u kliem simili.

Min kien qed imexxi ’l quddiem din l-idea kien iwaħħal f’dik li jgħidulha political correctness biex bħal speċi ma jkunux urtati nies ta’ reliġjonijiet oħrajn jew dawk li m’għandhomx reliġjon. Naturalment din hi skuża fjakka iżda, sfortunatament, ħafna taw widen għal dak is-sentiment u l-idea tal-Milied bħala festa li tfakkar it-twelid ta’ Kristu fostna, dejjem qed tkompli titbiegħed.

Issa, milli jidher, se jerġa’ jiġri l-istess fil-każ tal-festa l-kbira tagħna l-insara, l-GĦID.

Fl-Ingilterra, f’dawn iż-żminijiet ta’ madwar  l-Għid, in-National Trust (dik li bħalha f’Malta nsejħulha Din l-Art Ħelwa) torganizza f’ħafna  proprjetajiet fdati lilha għat-tmexxija, attività li sas-sena l-oħra kienet tissejjaħ Cadbury Bunny Easter Trail, speċi  ta’ treasure hunt fl-apert, li min jirbaħha jingħata premju taċ-ċikkulata mogħti mid-ditta famuża Cadbury.

Din is-sena, ħabta u sabta, din l-attività bidlulha isimha għal Cadbury Egg Hunt. L-istess ditta taċ-ċikkulata neħħiet il-kelma Easter mill-post prominenti li kien ikollha fuq il-prodotti tagħha ta’ dawn iż-żminijiet, u għamlitu żgħir kemm kemm tittendi bih, fuq wara tal-pakketti, tal-kaxxi, eċċ.

Għalkemm l-organizzaturi ċaħdu li li hemm xi skop ħażin wara din il-bidla, l-istess Prim Ministru Ingliż, Theresa May, ikkundannat dan l-atteġġjament.

Nittama li dan ma jibdiex iseħħ f’pajjiżna wkoll.

Aqtgħu min qal dan

“ Min qed imexxi ’l-pajjiż mhux qed juri rieda u qawwa li jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex l-Istat ikun gwida għal tmexxija tajba, good governance. Minflok, l-istandards governattivi tbaxxew għal livelli inaċċettabbli. Ħafna jħossu bħali li dan mhux aċċettabbli.

Il-Prim Ministru qed juri insensittività għas-sentimenti tal-Maltin u l-Għawdxin, kemm dawk li vvutawlu kif ukoll dawk li ma vvutawlux, u kienu skandalizzati mill-medjokrità ta’ standards  ta’ dan il-gvern.

Il-Prim Ministru m’għadux aktar kredibbli. Isib kull skuża biex ma jiħux azzjoni. Minflok, għandna Prim Ministru arroganti, insensittiv u maqtugħ minn dak li qed iħossu l-familji. Forsi jerġa’ jgħidilhom l-istess kliem ta’ qabel l-elezzjoni… iżda issa jafu bil-fatti x’isarraf.

Qed nitkellmu kontra l-korruzzjoni politika għaliex din tostakula kull sforz biex bħala pajjiż niżviluppaw soċjalment u ekonomikament u tiġbidna lura lejn is-sotto żvilupp.

Il-korruzzjoni tisraq liż-żgħir, middle class u anki lill-kbir li hu onest, jaħdem u jħallas it-taxxi, biex igawdi min irid isir sinjur malajr, mhux b’ħiltu iżda għaliex jaf mnejn għandu jgħaddi. Lil min jixtri lill-politiċi u lil min jaħseb li l-flus huma aktar b’saħħithom mill-ġustizzja. Fi kliem ieħor, il-korruzzjoni hi taxxa li tħallasha int u l-familja tiegħek, b’saħħitkom u bi fluskom.

Filwaqt li min hu b’saħħtu u jaf in-nies fil-politika jirbaħ kuntratt mimli b’irregolaritajiet u jdaħħal il-miljuni fil-but, b’daqqa ta’ pinna dak ikun qala’ dak li ħafna Maltin u Għawdxin iridu jaħdmu għalih għal 300 sena biex jaqilgħuh. Ftakar li għal dawn il-flus se tħallas int, b’saħħtek u bi flusek.

Smajna dan l-aħħar li ma kienx hemm provi konklussivi ta’ korruzzjoni allura ma hemm għalfejn jiġri xejn. Dan hu atteġġjament tipiku ta’ min mhux interessat li jiġġieled lill-korruzzjoni.

Kif kien jgħid Eddie Fenech Adami: ‘Min ma jiġġelidx lill-korruzzjoni hu korrott’.

Dwar  il-GWU  jitkellmu l-membri tagħha stess

Il-ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-GWU, is-surplus ta’ miljuni li qed ikollha grazzi għall-Gvern Laburista u wkoll dwar il-mod kif din l-Union insiet għalkollox l-interessi tal-ħaddiema, l-aktar dawk impjegati mal-gvern.

Ma kontx nimmaġina li f’dik l-istess ħarġa tan-Nazzjon, kien se jkun hemm rapport li jikkonferma dan bl-aktar mod elokwenti. Qed nirreferi għar-rapport li jgħid li l-Union tal-Gwardjani tal-ħabs, affiljata mal-GWU kienet se tiġi xolta għaliex il-membri ma jifilħux aktar bl-atteġġjament  indifferenti tal-GWU.

Dawn il-ħaddiema akkużaw lill-GWU li baqgħet b’ħalqha magħluq quddiem inġustizzji lampanti. Akkużawha wkoll li daħqet bihom. Tant il-gwardjani tal-Ħabs ma felħux aktar għal dan l-atteġġjament tal-GWU li barra li xoljew l-union tagħhom, bdew taħditiet biex jissieħbu mal-UĦM Voice of the Workers.

B’koinċidenza, fil-jum ta’ qabel kont qed nisma’ l-programm Tagħna Lkoll ta’ David Thake fuq Radio 101, u smajtu jsemmi ilmenti simili kontra l-GWU li kienu qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Istamperija tal-Gvern dwar każi ta’ akkużi sfaċċati ta’ inġustizzji li qed iseħħu quddiem għajnejn kulħadd.

Veru każ li jinbidlu kemm jinbidlu  nies fil-GWU, il-qagħda tagħha ta’ skjava tal-Labour ma tinbidel qatt. Bħal f’każi oħrajn, il-Gvern ta’ Muscat mhu xejn differenti minn dawk ta’ qablu fil-Labour. U aktar ma jgħaddi żmien dan aktar qed joħroġ ċar.

Ħames snin oħra ta’ Muscat jagħmlu lil Malta kopja preċiża tas-snin 80. Kollox hu f’idejna lkoll.

BIEX MA NINSEWX

L-Awditur ma jsibx dokumenti

F’għadd sostanzjali ta’ każi suspettużi li dwarhom l-Awditur Ġenerali ħareġ rapport fl-aħħar erba’ snin, jidher li hemn trend ċara. Dik li min ikun wettaq xi irregolarità  jara li ma jħallix traċċi warajh.

Hekk ġara per eżempju  fil-famuż każ tal-Australia Hall.

Fir-rapport tiegħu A review of documentation regarding government’s decision to withdraw the Australia Hall court case, l-Awditur Ġenerali jgħid hekk:

“NAO is of the opinion that the documentation retained by the Government Properties Department and the Law Court do not provide a clear indication regarding who took the decision  to withdraw the Australia Hall case, as originally instituted by the Commissioner of Lands, and when such a decision was made. In this Office’s view, the onus of retaining such documentation with a view to ensure transparency, accountability and good governance, rests with the Government Property Department”.

Mhux biss ibagħbsu kemm jifilħu iżda jagħmlu minn kollox biex ma jinqabdux.

 

Minflok jattakkawh, jinjorawh

Dan il-gvern ipokrita ta’ bħalissa kien tela’ bl-għajta li se jsaħħaħ l-istituzzjonijiet li qegħdin hemm biex jissorveljaw li kollox isir kif suppost, fosthom l-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman.

Lill-Awditur Ġenerali nafu kif u b’liema mod tal-Labour attakkawh, l-aktar dwar il-każ  ta’ Strada Zekka.

Fil-każ tal-Ombudsman, milli jidher, qed jużaw tattika differenti. Dik li ma jagħtuhx l-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jaqdi dmiru sew skont il-liġi.

Fir-rapport annwali tiegħu għall-2016, l-Ombudsman qal ċar u tond li l-uffiċċju tiegħu qed iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjonijiet fejn il-gvern saħansitra qiegħed jirrifjuta li jipprovdilu l-informazzjoni meħtieġa, minkejja li dan imur kontra l-liġi. Dan japplika l-aktar għall-każi fil-qasam tas-saħħa.

Simon Busuttil ilu jgħid li dan hu gvern li qed idgħajjef dawk l-istituzzjonijiet li b’xi mod jistgħu jwaqqfu jew, għallinqas, jikkontrollaw l-abbużi li qed iseħħu.

Raġuni oħra valida għaliex dan il-gvern għandu jitwarrab.