Basketball Sport

Luxol jirbħu l-ewwel finali

It-tim ta' Luxol li rebaħ l-ewwel finali s-Sibt li għadda (Ritratt: Martin Agius)

BUPA Luxol kisbu l-ewwel rebħa fuq Floriana MCP Car Parks wara li rebħu l-ewwel play-off mill-finali għar-rebħ tal-kampjonat BOV. It-tieni logħba tintlagħab nhar l-Erbgħa fis-7.30pm.

BUPA Luxol…………………………80

Floriana MCP CarParks………72

(16-18, 24-13, 20-15, 20-26)

Luxol: C.J. Cordina, M. Mercieca, D. Meli, J. Maistre Mellilo, J.P. Schembri (11), K. Dimech (7), W. Alhberg (12), P. Cromsptone (16), S. Deguara (28), S. Capello (6)

Floriana: C. Pulis (34), S. Borg (2), D. Schembri (11), N. Vasovic (15), C. Calleja (2), D. Agius, A. Micallef Trigona (5), N. Andrejevic, A. Axiaq (2)

Referees: B. Vassallo, E. Mangani u I. Simic

Luxol għamlu l-ewwel pass lejn ir-rebħ tal-kampjonat meta rebħu l-ewwel logħba. Bid-difiża ta’ Floriana timmarka lit-twil Samuel Deguara, Luxol bdew idawru l-ballun biex jinfdu d-difiża ta’ Floriana b’konklużjonijiet mill-bogħod speċjalment ta’ Alhberg u J.P. Schembri. Floriana kellhom lura lill-playmaker S. Borg għalkemm il-playmaker l-ieħor S. Pace għadu mweġġa’. Il-wirja tajba tal-Kanadiż Chad Patus ma kienx biżżejjed għal Floriana. Patus li beda jtella’ l-ballun, beda jieħu vantaġġ minn blocks biex jinfed id-difiża ta’ Luxol.

Żewġ konklużjonijiet mill-bogħod, għenu lil Luxol imorru 6-0 minn fuq. Mal-ħin, Floriana tjiebu biex għamlu l-iskor 12-12. Il-logħob kompla b’mod bilanċjat sat-tmiem is-sessjoni b’Floriana 18-16 minn fuq.

Luxol kienu aktar determinanti fil-bidu tat-tieni sessjoni biex brejk ta’ 14-2 marru 30-20 minn fuq. Floriana qasmu l-logħob sat-tmiem is-sessjoni, biex Luxol daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ disa’ punti.

Il-bidu tat-tielet sessjoni kien determinanti lejn ir-rebħa, hekk kif Luxol kienu dominanti biex kisbu brejk ta’ 24-2 u l-vantaġġ tagħhom kiber għal 54-33. Hawn Floriana ħadu vantaġġ mill-fatt li Luxol naqsu xi ftit mil-logħob u disa’ punti konsekuttivi ta’ Chad Patus , rat lil Floriana jnaqqsu d-distakk biex reġgħu daħlu biċ-ċans. Luxol rnexxielhom jirkupraw biex bdew l-aħħar għaxar minuti 60-46 minn fuq.

Floriana pruvaw jirkupraw, iżda Luxol wieġbu b’baskets ta’ Samuel Deguara, biex id-distakk baqa’ ta’ 15-il punt wara ħames minuti. Floriana komplew jissieltu biex kellhom mument tajjeb, meta ħadu vantaġġ minn żbalji ta’ Luxol, biex resqu sa sitt punti bogħod ftit minuti mit-tmiem. Iżda technical fawl mis-solitu Vasovic, għen lil Luxol jassiguraw ir-rebħa.