Lokali

“Offendieni bil-mejtin u kif dawwart wiċċi ħassejt daqqa b’xi ħaġa taqta'” – Xufier li safa aggredit

Ix-xufier li safa aggredit
L-argument beda fuq żewġ biljetti skaduti

Xufier ta’ Tal-Linja rrakkonta lil NET News dak li għadda minnu fi tmiem il-Ġimgħa li għadda kien involut f’argument ma’ persuna li skont hu, huwa magħruf mal-Pulizija.

Ix-xufier, li bagħtilna r-ritratt t’hawn fuq, spjega kif l-argument beda l-Ġimgħa meta raġel rikeb fuq Tal-Linja minn Triq Diċembru Tlettax. “Kellu żewġ biljetti skaduti u ġbidtlu l-attenzjoni” spjega x-xufier, li qal li din mhux l-ewwel darba li l-istess persuna prova jidħaq bih. “Għalkemm imbgħad qata’ biljett, beda jgħajjarni mejjet bil-ġuħ” żied jgħid. “Wara li ġie t-theddid, ċempilt lill-Pulizija”.

Dak il-ħin, l-istorja waqfet hemm. Sakemm l-istorja kompliet fit-terminus aktar tard. “Fit-terminus tal-belt reġa’ sabni, iżda did-darba għalaqt il-bieba. Reġa’ heddidni imma ħarab x’ħin ġew il-Pulizija”.

Is-Sibt, ix-xufier mar jagħmel rapport l-għassa u l-Ħadd niżel jieħu kafè t-terminus. Dak il-ħin, ir-raġel reġa’ tfaċċa u skont ix-xufier, waddabblu karta. “X’ħin saqsejt min tefa’ l-karta, offendieni bil-mejtin, u kif dawwart wiċċi ħassejt daqqa ta’ oġġett bil-ponta”.

Ix-xufier bgħatilna ritratt tad-demm li ħareġ fl-inċident. “Ippruvajt niġri warajh iżda reġa’ ħarab” qalilna x-xufier, li kkonferma li sar rapport lill-Pulizija. Skont rapporti oħra fil-media, ix-xufier għandu 40 sena, filwaqt li r-raġel l-ieħor għandu 27 sena.