Sport Sport Ieħor

Tanguy De Nappes u Careful Victory jirbħu s-semifinali ewlenin

Tanguy de Nappes jidher jaqsam il-linja finali fl-ewwel semifinali tal-ogħla klassi (Ritratt: Mike Orland)

Rapport: Kenneth Vella

Meta lbieraħ wara nofsinhar, f’jum l-Għid fil-korsa tal-Marsa saret l-erbatax-il laqgħa tal-istaġun, kienu magħrufa t-tnax-il żiemel finalist tal-kompetizzjoni prestiġjuża tat-Tazza l-Kbira. Dan wara li saru ż-żewġ semifinali fuq distanza twila ta’ 2640m. Dawn it-tiġrijiet, mirbuħa minn Tanguy De Nappes u Careful Victory, għamlu parti minn programm fuq disa’ tiġrijiet kollha għal żwiemel tat-trott.

Fl-ewwel semifinali tal-ogħla klassi, ġrew b’kollox ħdax-il żiemel. Kif mistenni, kien il-favorit Service Secret (Andrew Farrugia) li wara ftit metri mar quddiem. Dan fetaħ vantaġġ żgħir minn Tanguy De Nappes (Ronald Cassar) u Tacticien Jiel (Julian Farrugia). Dawra mit-tmiem kien Noel Baldacchino li poġġa quddiem lil Jaguar Broline. Iżda t-tiġrija ħadet żvolta oħra fid-dritta finali hekk kif Jaguar Broline u Service Secret ġew attakkati u maqbuża minn naħa ta’ ġewwa minn Tanguy De Nappes li ħa t-tieni rebħa konsekuttiva u f’Malta. Tonio Du Vivier (Charles Camilleri), Donald Duck Tooma (Caillin Borg) u Uhal Berven (Rodney Gatt) għaddew magħhom ukoll għall-finali.

Anki t-tieni semifinali kienet waħda kumbattuta, speċjalment matul l-aħħar metri tagħha. Hawnhekk, l-Iżvediż Careful Victory (Rodney Gatt) irnexxielu jieħu l-ewwel rebħa tiegħu fi xtutna wara li qabeż lill-popolari Taljan Overtaker By Sib (Marco Refalo) proprju ftit passi mil-linja finali. Uccello Jet (Mario Fenech), li kien għal ħafna ħin quddiem, temm it-tielet minn Vasterbo Paradise (Carl Caruana), Supercool Langkjaer (Anton Pace) Midsummer King (Noel Baldacchino) li bħalu wkoll għaddew għall-aħħar stadju.

Il-laqgħa tal-bieraħ inkludiet ukoll żewġ semifinali mill-kampjonat Krafft għal żwiemel tal-klassi Silver fuq distanza qasira ta’ 2140m u ħames heats li taw il-bidu għall-kampjonat San Frangisk għal żwiemel tal-klassi Copper. Anki dan il-kampjonat qiegħed isir fuq l-istess distanza. Miż-żewġ semifinali Silver tnax-il żiemel ieħor għaddew għall-finali. Fl-ewwel semifinali, Royal Apanage (Patrick Spiteri) li kien għal ħafna ħin quddiem, ċeda kompletament meta l-ewwel żwiemel daru biex jaffrontaw id-dritta finali. Kien Enzo Nova (Julian Farrugia) li wara assalt ħamsa fuq in-naħa ta’ barra rnexxielu jaqsam il-linja finali l-ewwel b’tul minn Rodrigo (Mario Falzon) u Lajos Bellan (Noel Baldacchino). Utello Du Maza (Charles Camilleri) flimkien ma’ One Photo (Keith Debono) u Sire Le Roi (Joe Farrugia) għaddew ukoll għall-finali. Għal Enzo Nova din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva u f’Malta.

Kif mistenni, it-tieni semifinali mill-istess kompetizzjoni offriet dwell eċċitanti fid-dritta finali bejn l-aktar żewġ żwiemel kwotati, jiġifieri l-Franċiż Uranus Du Lilas (Emmanuel Fenech) u Metallic Beat (Rodney Gatt). Finalment kien tal-aħħar li ħa t-tielet rebħa konsekuttiva f’dan il-kampjonat b’Ariel Sisu (Nathaniel Barbara), Midnight Passion (Eric Bezzina), Suro Du Cornillet (Charles Camilleri) u New York Broline (Chris Grech) ikunu l-aħħar żwiemel li jikkwalifikaw għall-aħħar fażi.

Ir-riżultati kollha

I Tiġrija Heat Kampjonat San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. High Handed (T. Demanuele) Ħin – 2.49.3” (1.19.1”) 2. Freddie Melon (K. Saliba) 3. Enjos TS (N. Baldacchino) 4. Axia Maltaise (J. Axisa)

II Tiġrija Heat Kampjonat San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Duc d’Haufor (R. Magro) Ħin – 2.47.2” (1.18.1”) 2. Cullinan Diamond (T. Demanuele) 3. Poete De La Sarthe (K. Saliba) 4. Betty Jess (M. Mizzi)

III Tiġrija Heat Kampjonat San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Querby Du Gite (N. Barbara) Ħin – 2.46” (1.17.6”) 2. Belle Ludoise (D. Casha) 3. Tilt De La Loge (A. Magro) 4. Alana (N. Cauchi)

IV Tiġrija Heat Kampjonat San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Belina De Fresney (C. Farrugia) Ħin – 2.45.6” (1.17.4”) 2. Qumran De La Motte (F. Cassar) 3. Belle Brisbane (P. Galea) 4. Bison Deladou (M. Fenech)

V Tiġrija Semi Finali Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Enzo Nova (J. Farrugia) Ħin – 2.43.8” (1.16.6”) 2. Rodrigo (M. Falzon) 3. Lajos Bellan (N. Baldacchino) 4. Utello Du Maza (C. Camilleri) 5. One Photo (K. Debono) 6. Sire Le Roi (J. Farrugia)

VI Tiġrija Semi Finali BOV Tazza l-Kbira. Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Tanguy De Nappes (R. Cassar) Ħin – 3.21.4” (1.16.3”) 2. Jaguar Broline (N. Baldacchino) 3. Service Secret (A. Farrugia) 4. Tonio Du Vivier (C. Camilleri) 5. Donald Duck Tooma (C. Borg) 6. Uhal Berven (R. Gatt)

VII Tiġrija Semi Finali Kampjonat Krafft. Klassi Silver. Dist – 2140m. 1. Metallic Beat (R. Gatt) Ħin – 2.45.2” (1.17.2”) 2. Uranus Du Lilas (E. Fenech) 3. Ariel Sisu (N. Barbara) 4. Midnight Passion (E. Bezzina) 5. Suro Du Cornillet (C. Camilleri) 6. New York Broline (C. Grech)

VIII Tiġrija Semi Finali BOV Tazza l-Kbira. Klassi Premier. Dist – 2640m. 1. Careful Victory (R. Gatt) Ħin – 3.21.9” (1.16.5”) 2. Overtaker By Sib (M. Refalo) 3. Uccello Jet (M. Fenech) 4. Vasterbo Paradise (C. Caruana) 5. Supercool Langkjaer (A. Pace) 6. Midsummer King (N. Baldacchino)

IX Tiġrija Heat Kampjonat San Frangisk. Klassi Copper. Dist – 2140m. 1. Saxo La Chesnaie (M. Falzon) Ħin – 2.50.3” (1.19.6”) 2. Celebre Sublignais (A. Farrugia) 3. Simb Tyrant (F. Tanti) 4. Zeta Jones A (C. Camilleri)