Futbol Sport

Tripletta ta’ Spiteri tpoġġi lil Fleur de Lys fl-ewwel post

Fleur de Lys kisbu rebħa importanti kontra Qormi Hotspurs (Ritratt: Warren Sammut)

Fleur de Lys CFK għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta fil-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika huma għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-2.

Hekk kif kollox issa jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata li ser tintlagħab il-ġimgħa d-dieħla, Fleur de Lys  irnexxielhom saħansitra jaqbżu lill-Qriema fil-klassifika.  Kienet partita ferm divertenti li pproduċiet xejn inqas minn ħames gowls fejn kienu l-Hotspurs li marru minn fuq permezz ta’ Aidan Caruana.

Fleur de Lys bdew jagħfsu biex isibu l-gowl tad-draw u rnexxielhom jagħmlu dan tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li Saviour Spiteri sab ix-xibka. Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, ir-ritmu tal-partita baqa’ ferm għoli u reġgħu kienu Qormi li marru fil-vantaġġ fl-40 minuta permezz ta’ Jacob Falzon.

Iż-żewġ timijiet baqgħu jattakkaw u Fleur de Lys ġabu l-iskor indaqs mas-siegħa logħob u reġa’ kien Saviour Spiteri li ħasad lid-difiża tal-Hotspurs biex approfitta mill-viċin.

Dan l-attakkant ta’ Fleur de Lys beda jkun ta’ theddida kontinwa għad-difiża ta’ Qormi u filfatt kien proprju hu li fit-68 minuta ssiġġilla r-rebħa favur it-tim tiegħu sabiex anke hu kellu ġurnata memorabbli hekk kif skorja tripletta f’din il-partita.

F’logħba oħra, Tal-Qroqq Versity reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mqabba Albions 3-2. Din kienet l-aħħar partita għall-Albions f’dan il-kampjonat hekk kif temmewh fl-aħħar post tal-klassifika bi tmien punti.

Dawn tal-aħħar jistgħu jkunu diżappuntati li m’għarfux iżommu l-vantaġġ li kellhom hekk kif Tal-Qroqq għamlu reazzjoni qawwija sabiex kisbu t-tielet rebħa staġjonali.

Kienu Tal-Qroqq li marru minn fuq wara 23 minuta logħob permezz ta’ Adam Eshum li wara li rċieva kross mil-lemin approfitta minn rebawnd biex għeleb lil gowlkiper ta’ Mqabba. L-Albions bdew joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u fil-31 minuta skorjaw il-gowl tal-1-1 meta Redent Cassar għeleb lill-gowlkiper ta’ Tal-Qroqq mill-viċin.

Bl-ewwel taqsima tintemm bl-iskor ta’ 1-1, kienu Mqabba li ħarġu tajjeb u fil-50 minuta kien Shaun Abela li poġġihom fil-vantaġġ. Madankollu kienet ferħa bla temma għall-Albions għax pront Versity skorjaw għal darba darbtejn permezz ta’ Nicholas Abela u Marlon Cauchi sabiex qalbu r-riżultat favur tagħhom.

Klassifika tal-ewwel Diviżjoni: Marsa St Michael 33 punt, Valletta St Pauls 27 punt, Senglea Gunners 17-il punt, Santa Lucia Falcons 9 punti

Klassifika tat-tieni Diviżjoni: Fleur de Lys CFK 14-il punt, Qormi Hotspurs 13-il punt, Valletta Stars 11-il punt, Tal-Qroqq Versity 11-il punt, Mqabba Albions 8 punti

Tags