Sport Sport Ieħor

33 edizzjoni Open Internazzjonali ta’ Malta

Il-Federazzjoni Maltija tal-Judo organiżżat it-33 edizzjoni tal-Malta International Judo Open.

4 avvenimenti ewlenin li saru fl- Akkademja tal-Judo ta’ Malta, bil-parteċipazzjoni ta’ 9 pajjiżi li kkompetew għal-25 midalji tad-deheb.

L-ewwel avveniment kien festival tat-tfal, taħt id-direzzjoni tad-Direttur taż-Żgħażagħ, Joe Castillo, u kowċis oħra fejn judokas zgħar tgħallmu tekniki ġodda, kellhom Randori – jew aħjar -taħriġ għall-kompetizzjoni – kif ukoll xi logħob.

Il-kategoriji Espoir kienu ddominati mit-Tim Nazzjonali tal-Ungerija. Clive Camilleri, student tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, kiseb midalja tal-fidda, fejn wera li fil-futur jista jkun wiehed mill-judokas ewlenin.

Fil- finali tiegħu, minkejja kien qed jikkontrolla l-logħbha tajjeb ħafna, l-esperjenza superjuri tal-avversarju tiegħu waqqfitu milli jispiċċa fl-ewwel post .Il-kategorija tal-kadetti kienet wkoll dominata mill-Ungeriżi. Għal uħud mill-Kadetti Maltin, din kienet l-ewwel darba li kienu qed jikkompetu f’kompetizzjoni internazzjonali, liema esperjenza ser tipprovdi l-istimulu biex ikomplu jtejjbu l-livell tagħhom.

Malta ġiet l-ewwel f’din il-kategorija b’4 midalji tad-deheb. Rodney Zammit kien protagonista, meta rebaħ l-kompetizzjonijiet kollha b’faċilità. It-taħriġ tiegħu riċenti fil-Ġeorġja mal-coach ġdid , Giorgi Kaldani, żgur qed tagħmel differenza. Cucic David, li jittrenja mat-tim Malti, rebaħ id-deheb fil-81kgs.

Fil-kategoriji tal-bniet, Malta ssorprendiet permezz tal-kadetta Lara Castillo. Castillo ma rnexxilhiex tikseb midalja fil Kadetti, iżda hi daħlet lura b’determinazzjoni u rebħet il-kategorija tas-seniors fil-57kgs wara li rebħet lil Frazier minn Malta u lil Roll mil-Ġermanja.

Ir-4 midalja tad-deheb intrebħet minn Cheryl Kaye Cachia, li rebħet l-ewwel midalja tad-deheb tagħha f’kompetizzjoni Internazzjonali. Cachia rebħet lil-judokas mill-Fillandja u l-Ġermanja .

Ġeorġja ġiet l-ewwel fil-kategorija Open wara li rebħu iż-żewġ kategoriji tal-irġiel.

Iżda l-qofol tal-ġurnata kienet il-logħba ta’ ħbiberija li saret bejn Rodney Zammit u Paul Riegert, persuna b’diżabbiltà, li qiegħed Malta bħala parteċipant ta’ proġett ta’ Volontarjat u Inklużjoni li bħalissa qed jiġi organiżżat mill-Federazzjoni Maltija tal-Judo.