Dan hu l-messaġġ sħiħ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil:
Dawn l-erba’ snin kienu sfida biex nibdew paġna ġdida. Kuljum, kellna nieħdu deċiżjonijiet diffiċli imma permezz tal-isfidi ssaħħaħna.
L-esperjenza li għaddejna minnha ġegħlitna nistaqsu xi tfisser il-politika għan-nies u x’jistennew in-nies minna, kemm fl-Oppożizzjoni, imma aktar u aktar fil-Gvern.
In-nies riżultati jsiru mhux paroli. Per eżempju: għejjew jisimgħu fuq kemm kibret l-ekonomija. Li qed jistaqsu huwa: xi jfisser dan għalija?
In-nies iridu mhux biss impjieg imma impjieg b’paga tajba u b’kundizzjonijiet tajbin. Għalhekk aħna rridu industriji ġodda, fil-loġistika, fl-iżvilupp ambjentali u fis-servizzi finanzjarji teknoloġiċi.
In-negozji ż-żgħar iridu qliegħ diċenti u li nħalluhom jaħdmu. Għalhekk se nnaqsulhom it-taxxa għal 10 fil-mija biss. In-negozji ż-żgħar huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u rriduhom jissaħħu, mhux jinqalgħu ‘l barra.
Irridu wkoll li mill-ġid li noħolqu ngħinu liż-żgħir u lil dawk li għandhom l-aktar bżonn: dawk fuq pagi baxxi; dawk li jitħallsu anqas minn ħaddieħor għall-istess xogħol; dawk li ma jistgħux jaffordjaw jixtru l-mediċini; dawk li qed isibuha diffiċli jħallsu għal saqaf fuq rashom.
Ħassejna li m’għandniex inżommu l-ideat tagħna għal meta tasal l-elezzjoni. Ridna nippreżentawhom kmieni u niddiskuthom biex il-pjan għall-ħames snin li ġejjin ikun lest biex nibdew inwettquh mill-ewwel. Mhux roadmap li ma tasal qatt.
U anke mill-Oppożizzjoni għamilna differenza, u bis-saħħa tar-raġuni, biddilna anke l-pożizzjoni tal-Gvern fuq diversi kwistjonijiet: bħal din li trid toqgħod tirreġistra l-website mal-Gvern, li kellhom jirtirawha.
Tajna vuċi lil dawk li kienu kontra l-għoti b’xejn ta’ art pubblika imprezzabbli, bħall-art fiż-Żonqor, jew tal-ITS li ngħatat għal 15-il miljun biss meta tiswa aktar minn 200 miljun.
Tajna leħen lill-eluf kbar li ħarġu jipprotestaw kontra l-korruzzjoni. In-nies bir-raġun irrabjaw: ħadd ma stenna li l-ogħla nies fit-tmexxija tal-pajjiż jinqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama. Mhux ta’ b’xejn jiddeċiedu kollox bil-moħbi.
Naturalment, ħallasna prezz għal-pożizzjonijiet li ħadna. Imma urejna li mhux se ngħalqu ħalqna, li ma ninxtrawx, li m’aħna fil-but ta’ ħadd.
Jien konvint li s-sistema politika trid titbiddel mill-qiegħ u b’mod radikali. U għandna opportunità biex nibdluha. Ejja naħtfuha.
Meta nitkellem man-nies jgħiduli li fina jaraw il-kapaċità li mmexxu l-pajjiż fit-triq it-tajba. Imma jgħiduli wkoll li minna jistennew l-aħjar. L-ewwel darba li smajta din għidtilhom: aħjar minn xiex, minn min? Aħjar minn qatt qabel. Aħjar mill-mod ta’ kif qed jimxi dall-Gvern li għandna llum. Aħjar milli qatt konna aħna stess.
Pajjiżna qiegħed isejjħilna u dan huwa mument fejn ħafna jiddependi minn dak li tħoss int u minn dak li se tagħmel int. Ejja nagħmluh flimkien.
//= $special ?>