Lokali

Dewmien biex ikunu allokati l-fondi mill-Gvern iwassal biex is-Sliema Art Festival ma jsirx

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema ħabbar li minħabba dewmien biex ikunu allokati l-fondi mill-Gvern ma jistax jorganizza l-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Sliema Arts Festival.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali qal li l-Festival din is-sena ma setax ikun ippjanat minħabba l-Fond għall-Kultura għall-Gvern Lokali għall-avvenimenti u attivitajiet dam ma kien allokat.

Wara li kien ilu jiġri wara d-Dipartiment tal-Gvern Lokali minn Novembru tas-sena li għaddiet, l-iskema għall-fondi se toħroġ dan ix-xahar u għalhekk kien impossibbli li jkun ippjanat festival bħal dan li normalment irid tal-inqas sitt xhur ta’ tħejjija, inkluż koordinazzjoni ma’ artisti lokali u barranin.

Dan hi xi ħaġa sfortunata meta wieħed iqis li s-Sliema Arts Festival stabbilixxi lilu nnifsu bħala festival prominenti għall-artisti lokali biex jesebixxu x-xogħol u l-mużika tagħhom. Il-Kunsill qal ukoll li mhux xieraq min-naħa tal-bord responsabbli għall-finanzjament li jassumi li avvenimenti kbar bħal dawn jistgħu jkunu ippjanati fi ftit ġimgħat.

Il-Fond tal-Kultura għall-Gvern Lokali normalment ikopri 30 fil-mija tal-ispejjeż kollha tal-festival. Mingħajr assigurazzjoni bħal din għall-finanzjament minn kmieni, jkun impossibbli li wieħed jorganizza avvenimenti professjonali kbar bħal festival.

Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema qal li jibqa’ impenjat biex jerġa’ jorganizza l-festival is-sena d-dieħla jekk il-kundizzjonijiet dwar il-finanzjament mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali jintbagħat lejn l-aħħar tas-sena bħalma dejjem kien il-każ matul l-aħħar snin.