Lokali Parlament

€1 miljun fi ħlas għal persuni magħżula b’sejħiet interni fl-MCCAA

Il-Ministru Helena Dalli tirrifjuta li tagħti dettalji dwar dawn il-persuni, inkluż minn fejn huma

Jirriżulta li numru ta’ persuni li bbenefikaw minn gradi u pożizzjonijiet fl-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konusmatur (MCCAA) ingħataw remunerazzjoni u perkaċċi ta’ madwar €1 miljun bil-Ministru Helena Dalli tirrifjuta li tagħti dettalji ta’ dawn il-persuni inkluz minn fejn huma.

Dan jirriżulta minn tweġiba parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Clyde Puli li staqsa lill-Ministru Helena Dalli tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konusmatur (MCCAA) li ġew mimlija permezz ta’ sejħa interna minn Jannar 2013, telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi, mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi u x’inhu l-pakkett tas-salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni.

Minn dokumenti mpoġġija fuq il-mejda tal-parlament jirriżulta li l-pagi u r-remunerazzjonijiet għal dawn ammontaw għal €930,000 waqt li hemm madwar €100,000 oħra f’perkaċċi li jinkludi allowances għall-karozzi, performance bonus, ħlasijiet għall-konnettività, stand-by allowance u allowance għall-użu tal-karozza.

Il-Ministru Helena Dalli tat l-informazzjoni dwar il-karigi li ngħataw, ir-remunerazzjoni marbuta magħhom u anki l-perkaċċi iżda ma tatx l-informazzjoni dwar il-liema lokalitajiet li minnhom ġejjin dawn il-persuni. Dan minkejja d-diversi mistoqsijiet ta’ Clyde Pulì.

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli staqsa wkoll lill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili tgħid jekk il-Kap tas-Segretarjat tagħha Ronnie Pellegrini għandux ukoll rwol uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), jekk ir-rwol ta’ dan l-individwu f’din l-Awtorità hux b’xi mod relatat mar-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda mal-Awtorità, jekk l-individwu m’għandu l-ebda rwol uffiċjali u biex tispjega l-iskop tal-preżenza spissa tiegħu fil-bini ta’ din l-Awtorità.

Il-Ministru Dalli wieġbet biss li Ronnie Pellegrini huwa l-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru u li r-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Awtorità huma f’idejn ic-chairperson tal-Awtorità u l-istaff tagħha. Il-Ministru Dalli evitat li ktun speċifika u twieġeb il-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista.