Futbol Sport

Harry Redknapp jinħatar kowċ ta’ Birmingham

Harry Redknapp se jipprova jsalva lil Birmingham

Il-kowċ veteran Ingliż Harry Redknapp se jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb wara li nħatar kowċ ta’ Birmingham City. L-eks kowċ ta’ West Ham, Tottenham u QPR se jieħu post Gianfranco Zola li rriżenja t-Tnejn wara t-telfa ta’ 2-0 kontra Burton Albion.

Il-Blues bħalissa jinsabu fl-20 post fiċ-Championship, tliet punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni, u l-Ħadd se jilagħbu kontra Aston Villa l-Ħadd. “Birmingham huma klabb proprju tal-futbol imma jinsabu f’pożizzjoni prekarja,” qal il-manager ta’ 70 sena.

Il-ħatra ta’ Redknapp tħabbret biss 16-il siegħa wara t-tluq ta’ Zola, iżda t-tul tal-kuntratt għadu ma ġiex komunikat. Hu kien mexxa lill-Ġordan għal żewġ partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja s-sena l-oħra, u ħadem ukoll ma’ Derby County l-istaġun li għadda bħala konsulent, iżda ma mexxa l-ebda klabb fl-Ingilterra minn meta ħalla lil QPR fi Frar tal-2015.

Hu kien rebaħ l-FA Cup fl-2008 ma’ Portsmouth u mexxa lil Tottenham sal-kwarti tal-finali taċ-Champions League waqt l-erba’ snin li kien f’White Hart Lane. Fl-2016, hu sar ukoll direttur ta’ Wimborne Town u konsulent mat-tim Awstraljan Central Coast Mariners.

Redknapp qal li hi sfida għalih u se jara sa tmiem l-istaġun, u sostna li jekk jirnexxielu jżomm lit-tim fiċ-Championship, jitkellem għal staġun ieħor.