Lokali

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport tfakkar lil Chris Agius dwar il-wegħda elettorali Laburista

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport esprimiet sorpriża għall-fatt li s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni u Sport Chris Agius ma jiftakarx eżatt x’hemm miktub fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Dan wara li f’intervista lil One News nhar il-Ħadd li għadda, Agius qal li l-Partit Laburista wiegħed biss li jsir studju biex issir korsa tal-karozzi, u għalhekk iħoss li diġa’ għamel iktar milli ġie mwiegħed.

Iżda l-istess Federazzjoni fakkret li fil-manifest elettorali, li l-poplu vvota għalih, għandu jiġi identifikat sit għall-iżvilupp ta’ korsa tal-Motorsport.

L-istess il-Prim Ministru li waqt Gvern Li Jisma’ fit-23 ta’ Marzu 2017, ġewwa Ghawdex,  semma’ li il-Gvern huwa kommess li jiddentifika l-art għall-użu ta’ trakka tal-karozzi li hija il-wegħda elettorali li għadha ma ġietx imwettqa.

Kemm f’ittra lill-Prim Ministru f’Marzu li għadda, u waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, il-Federazzjoni enfazzizat li għandu jigi identifikat is-sit għall-iżvilupp tal-Motorsport mingħajr iktar dewmien.

L-Federazzjoni tfakkar ukoll li Chris Agius ilu mil-21 ta’ Settembru 2016 jgħid pubblikament li l-proċess tal-identifikazzjoni tas-sit kien fi tmiemu u kellu joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin … minn dakinhar għaddew seba’ xhur u anke l-investituri għadhom jistennew.

Il-Federazzjoni mill-ġdid talbet laqgħa urġenti mal-Prim Ministru biex issir diskussjoni dwar dak li qed iwassal għad-dewmien, u fejn hemm bżonn tgħid għat-twettieq tal-wegħda elettorali Laburista mill-iktar fis possibbli.