Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq se tkompli tisfida bil-provi tal-missili

Il-Korea ta’ Fuq komunista se tkompli twettaq il-provi għall-missili li mistennija jsiru fuq perjodi ta’ ġimgħat, xhur u snin. L-aħbar ingħatat ftit ilu mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq waqt intervista lill-BBC tar-Renju Unit u fi żmien meta qed iżżid it-tensjoni militari bejn il-pajjiż komunista u l-Istati Uniti u l-alleati tagħha.

Il-Viċi-Ministru komunista Han Song Ryol qal li għandha tirriżulta gwerra totali f’każ li l-Istati Uniti tasal biex tieħu azzjoni militari kontra l-Korea ta’ Fuq.

Intant, is-sitwazzjoni saret aktar delikata ladarba l-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, wissa lir-reġim fi Pyongyang biex ma jisfidax aktar lil Washington u lill-ġirien Asjatiċi.

Mike Pence, li beda żjara fil-Korea t’Isfel ftit wara li l-Korea ta’ Fuq kienet fallitilha prova ta’ missila u li bħalissa jinsab il-Ġappun, qal li spiċċat l-era tas-sabar fir-rigward tal-Korea ta’ Fuq. F’kummenti oħra li għadda llum, il-Viċi President Amerikan irrefera għar-reġim tal-Mexxej komunisa, Kim Jong-un, bħala l-akbar theddida għar-reġjun tal-Asja.

Waqt li l-Korea ta’ Fuq ma tidhirx li għandha tirtira mill-pożizzjoni aggressiva attwali, l-Istati Uniti qed tagħmilha ċara li hi, flimkien, mal-alleati, se tkompli żżid il-pressjoni ekonomika fuq ir-reġim ta Pyongyang u mhi teskludi l-ebda miżura, inkluż ta’ tip militari, biex tbiegħed il-periklu għar-reġjun.