Lokali

Il-Pulizija tarresta kaċċatur illegali f’Ħal Farruġ – CABS isejħulu bħala parti minn klikka

Uffiċjali tal-Pulizija mill-ALE arrestaw kaċċatur li nqabad jikkaċċja fuq jumejn konsekuttivi u b’mod illegali, minkejja li l-istaġun tal-kaċċa għalaq nhar il-Ġimgħa li għadda.

Fi stqarrija, il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li hu maħsub li l-kaċċatur hu wieħed minn “klikka ta’ tlieta, li ġew osservati jikkaċċjaw ta’ kuljum f’Wied Ħanżir, qrib Ħal Farruġ.”

Kienu membri tal-pubbliku li qajmu l-attenzjoni dwar dan il-każ lill-membri tal-CABS, biex wara s-sorveljanza ta’ dawn tal-aħħar sar l-arrest għall-ħabta tat-08:30 ta’ dalgħodu.

Fi stqarrija, Fiona Burrows minn CABS iddeskriviet l-aġir tal-kaċċaturi f’dan il-każ bħala “krimini organizzata, bl-individwi li staħbew f’żona riservata, għaddew l-informazzjoni lil xulxin dwar il-moviment tal-gamiem u speċi oħra protetti u saħansitra qabbdu persuna biex jissorvelja l-wied u t-toroq tal-madwar għall-wasla tal-Pulizija.”

Filfatt il-Pulizija mhux biss issekwestraw arma użata mill-kaċċaturi, imma wkoll sett tar-radju użata biex l-kaċċaturi kienu jikkomunikaw bejniethom.