Lokali

Ir-residenti ta’ Triq Borg Olivier fir-Rabat jitkarrbu għal azzjoni

Ir-residenti ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, kif ukoll is-sewwieqa li ta’ kuljum jagħmlu użu mill-istess triq, qed jitkarrbu biex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni għal problema li qed tikkawża konġestjoni tat-traffiku, inċidenti u periklu.

Dan hekk kif din hi triq dejqa, li minnha jgħaddu eluf ta’ sewwieqa kuljum speċjalment dawk li joqgħodu f’Ħad-Dingli u l-Buskett, u spiss qed tispiċċa mblukkata minħabba l-kobor u l-ammont ta’ karozzi tal-linja li jgħaddu minnha.

Minn din it-triq jgħaddu r-rotot 51 (minn u lejn l-Imtarfa), 52 (minn u lejn Ħad-Dingli), 53 (minn u lejn ir-Rabat), 201 (minn u lejn l-ajruport), 56 (minn Ħad-Dingli lejn il-Belt u viċi versa), 181 (minn Ħad-Dingli lejn il-Belt u viċi versa) għal total ta’ 18-il darba f’siegħa.

Dan minbarra coaches privati li jgħaddu minn din it-triq ta’ spiss biex iwasslu lit-turisti lejn il-Buskett jew id-Dingli Cliffs. is-sitwazzjoni kompliet tiggrava wara li l-karozzi tal-linja kibru fil-wisa’ u r-rotot li jgħaddu minn hawn żdiedu wara x-xogħol li qed isir fin-Nigret.

F’din it-triq fejn bilkemm jgħaddu żewġ vetturi privati f’daqqa, suppost sewwieq ta’ vettura normali jċedi lil tal-linja. Xi ħaġa li mhix issir jew f’xi każi x-xufiera tal-linja jibqgħu jrossu minkejja li jkunu ġejjin il-karozzi bil-konsegwenza li qed tinħoloq konġestjoni tat-traffiku, f’xi każi inċidenti jew argumenti u ħafna drabi qed tinħoloq sitwazzjoni ta’ vetturi li jitilgħu fuq il-bankina, mal-għetiebi tar-residenzi privati.

Biex tkompli tgħaxxaq is-sitwazzjoni, mhux talli mhux isir infurzar u qatt ma jidher gwardjan lokali f’din iż-żona biex jinforza r-regola tal-Give Way, iżda wkoll qed tiġi njorata r-regola li trakkijiet tal-kostruzzjoni u vetturi privati kbar ma jgħaddux minn hawn.