Internazzjonali

Iwaqqfu ‘attakk imminenti’ fi Franza qabel il-vot Presidenzjali

Il-Ministeru għall-Intern f’Pariġi kkonferma l-arrest ta’ żewġ Franċiżi fil-belt ta’ Marsilja wara li huma kienu qed jippjanaw ‘attakk vjolenti imminenti’ għal qabel l-ewwel round tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża li jsir nhar il-Ħadd.

Il-Ministru Franċiż, Matthias Fekl, li tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal li l-arrestati, li t-tnejn huma radikalizzati, ‘kellhom l-intenzjoni li jwettqu l-attakk fi Franza fi kwistjoni ta’ jiem’.

Il-pulizija Franċiża, aktar kmieni llum wettqu sensiela ta’ tfittxijiet f’Marsilja b’konnessjoni mal-każ. Ingħad li l-pulizija fl-inħawi elevaw kwantità ta’ armi u materjal għall-produzzjoni tal-isplussivi,  bl-awtoritajiet qed iżidu s-sigurtà madwar il-kandidati li se jikkuntestaw l-elezzjoni.

Fi żviluppi oħra,  il-Mexxejja estremista tal-lemin, Marine Le Pen, qed tipprova timmobilizza lis-sostenituri  qabel l-aktar elezzjoni Presidenzjali imprevidibbli għal snin, fi Franza. Hi, issa, qed twiegħed biex tissospendi l-immigrazzjoni kollha waqt li ‘tipproteġi lill-votanti mill-effetti ħorox tal-globalizzazzjoni’.

Le Pen qalet ukoll, waqt diskors, li ‘l-ewwel miżura tagħha bħala President se tkun intiża għar-restawr tal-fruntieri ta’ Franza’. Hi għamiltha ċara li lesta toħroġ pajjiżha miz-zona Schengen (għall-fruntieri ħielsa fl-Ewropa) f’każ li tkun eletta.

L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni ilu juri lil Le Pen u lill-politiku taċ-ċentru, Emmanuel Macron, bħala favoriti biex jikkuntestaw il-fażi finali u deċiżiva tal-elezzjoni Franċiża li ssir fis-7 ta’ Mejju. Intant, id-distakk (skont l-istħarriġ) qed jonqos bejn dawn iż-żewġ favoriti u l-isfidanti l-oħrajn għall-Presidenza – f’dan il-każ, il-konservattiv, Francois Fillon, u l-estremista tax-xellug, Jean-Luc Melenchon.