Kaċċatur tressaq il-Qorti b’rabta ma’ każ ta’ kaċċa illegali li kien iffilmjat minn BirdLife Malta l-ġimgħa l-oħra, ġurnata qabel l-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nhar il-Ħamis 13 ta’ April filgħodu, staff ta’ BirdLife Malta osservaw kaċċatur jispara fuq Tellerita protetta. Il-kaċċatur deher jispara lejn l-għasfur, u aktar tard ġie ffilmjat jiġbor l-għasfur li qatel fl-Aħrax tal-Mellieħa. Ftit wara, l-istess kaċċatur kien iffilmjat ukoll jispara fuq Tellerita oħra tal-passa, imma ma laqathiex. Fuq il-post ġew imsejħa l-pulizija u wara li l-istaff ta’ BirdLife Malta indikawlhom il-post fejn seħħ il-każ, dawn sabu l-għasfur fejn kien moħbi u ġabruh. Il-kaċċatur laħaq ħarab mill-post.
Il-filmat ġie mgħoddi lit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Pulizija u għen biex il-pulizija jidentifikaw lis-suspettat u jressquh il-Qorti. It-Tellerita kienet it-tlettax-il għasfur protett li ġie rkuprat tul dan l-istaġun tar-rebbiegħa wara li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali. Dan l-għasfur hu klassifikat taħt l-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u għalhekk igawdi mill-ogħla livell ta’ ħarsien mogħti mil-liġi. Il-kaċċatur weħel multa ta’ €5,000 u revoka permanenti tal-liċenzja tal-kaċċa kif ukoll kellu s-senter ikkonfiskat.
Sal-Ġimgħa 14 ta’ April f’nofsinhar meta għalaq uffiċjalment l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-2017, it-total ta’ tajr protett li hu magħruf li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali kien żdied għal 15.
//= $special ?>
