Lokali Qorti

Kurt Grech ingħata kura fl-Isptar għall-feriti li ġarrab fil-ġlieda

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Fil-Qorti illum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda dwar Kurt Grech u missieru Joseph li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Brandon Pace waqt ġlieda li fiha intużat arma bil-ponta u taqta’ li saret fil-lejla tat-2 ta’ April 2017. Kurt Grech ingħata kura fl-Isptar għall-feriti li ġarrab fil-ġlieda. Missieru ukoll weġġa’ filwaqt li l-omm ingħatat kura għax-xokk.

L-Ispettur Keith Arnaud xehed fit-tul dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ mill-mument li l-Pulizija kienu infurmati li kien hemm kommozzjoni fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun sakemm kienu arrestati il-missier u l-iben.

Malli waslu fil-post tad-delitt, il-Pulizija sabu l-ġisem mejjet ta’ Brandon Pace fl-entratura komuni tal-blokk ta’ appartamenti u li kien wiċċu l-isfel f’għadira demm. Hu kien liebes qalziert qasir u kien ukoll ħafi. Hu kellu żewġ feriti magħmulin b’sikkina fuq sidru.

L-Ispettur qaql ukoll li kien hemm madum imkisser u tebgħat ta’ demm kienu jidhru barra l-blokka bini u dawn kienu l-fdalijiet ta’ ġlieda li allegatament seħħet ftit ħin qabel bejn il-vittma u ż-żewġ akkużati. Is-sieħba tal-vittma Jessica Bilocca u omm iben Kurt Grech li għandu sitt snin allegatament ukoll ġarrbet ġrieħi ħfief fil-ġlieda.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja semgħet kif qam argument bejn Jessica Bilocca u omm Kurt Grech fuq it-telefon aktar kmieni matul il-ġurnata. Il-konversazzjoni li kienet dwar iben Jessica Bilocca, iddiġenerat f’tgħajjir.

Kien ftit wara li Kurt Grech, akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu, marru quddiem ir-residenza ta’ Brandon Pace fil-Ħamrun. Malli semgħet it-twerżiq tal-brejkijiet tal-karozza u tisbit qawwi mal-bieb ta’ barra, omm il-vittma ittawlet barra u rat lill-familja Grech li kienu waslu b’żewġ karozzi.

Filwaqt li wissiet lil Jessica Bilocca biex ma tħallix lil Brandon Pace jersaq, l-omm niżlet isfel biex tipprova tikkalma s-sitwazzjoni. Hi intlaqgħet minn Kurt Grech li kien armat b’żewġt iskieken tal-kċina. Kontra l-parir tagħha, Brandon Pace niżel ukoll warajha u wkoll kien armat b’sikkina.

Fil-ġlieda li seħħet, omm il-vittma allegatament rat lil binha jingħata daqqiet ta’ sikkina minn Kurt Grech hekk kif kien fl-art qrib l-entratura. Ħin minnhom hu allegatament qam fuq saqajħ, mexa ftit passi u waqa’ hekk kif Joseph Grech, missier l-akkużat l-ieħor, taħt daqqa’ ta’ sikkina f’dahru. Dan intqal lill-Pulizija minn omm il-vittma imma kien miċħud minn Joseph Grech innifsu.

Anna Marie Grech, omm u l-mara taż-żewġ akkużati rispettivament qalet lill-Pulizija li l-membri tal-familja Pace waddbulhom madum mill-gallerija meta dawn waslu ftit qabel ma kien hemm il-ġlieda bis-skieken.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-Pulizija li waslu l-ewwel fil-post tad-delitt intqalilhom li l-familja Grech kienu ħarbu mill-post b’żewġ karozzi. It-tlieta li huma kienu arrestati iktar tard fid-dar tal-familja fi Gwardamanġa fejn l-investigaturi sabu tbajja tad-demm fil-kuritur li jwassal lejn il-kamra tal-banju u sabu wkoll tajjar u anke garża. Kurt Grech ingħata kura fl-Isptar għall-feriti li ġarrab fil-ġlieda. Missieru ukoll weġġa’ filwaqt li l-omm ingħatat kura għax-xokk.

Iż-żewġt iskieken li allegatament intużaw fl-attakk instabu fi sprall qrib id-dar tal-familja Grech wara li l-Pulizija imxew ma taqtir ta’ demm. Fil-kċina tal-familja Grech kien hemm skieken bħal dawk li allegatament intużaw fil-ġlieda.

Kurt Grech qal lill-Pulizija li hu kien mar il-Ħamrun biex jiffaċċja lil dik li kienet is-sieħba tiegħu. Hu qal li qatt ma kellu l-ħsieb jattakka lil Brandon Pace imma rama’ lilu nnifsu minħabba li ma kienx jafda t-temperament ta’ Brandon Pace. Barra minnhekk hu allegatament irritalja meta Brandon Pace laqat lill-missieru li kien qed jipprova jwaqqaf l-argument.

Filmati tas-CCTV li ttieħdu mill-cameras tas-sigurtà fi Triq Giovanni Barbara kif ukoll barra r-residenza tal-akkużat kienu skrutinizzati mill-Pulizija. Għalkemm il-ġlieda attwali ma inqabditx fil-filmati, il-movimenti tal-partijiet involuti kienu rekordjati.

L-Ispettur Arnaud informa lill-Qorti li l-għassa tal-Pulizija fil-post tad-delitt ma kienx hemm aktar bżonnha.

L-Ispetturi Keith Arnaud u Elliott Magro mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Roberto Montalto kien l-avukat difensur filwaqt li l-avukat Noel Bianco deher bħala parti ċivili.