F’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbiltà li tant tkellem dwarha qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jassigura li l-investigazzjoni li saret mill-Awditur Ġenerali dwar l-użu ta’ karti ta’ kreditu mill-Ministri tiġi ppubblikata b’mod immedjat.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn iddikjara wkoll li hu fl-interess tal-poplu li jkun jaf kif u għaliex intefqu flus mit-taxxi tiegħu, kif ukoll li tingħata spjegazzjoni għal kull ċenteżmu li jkun intefaq mill-Ministri permezz tal-karti ta’ kreditu tal-Gvern.
Dan b’mod partikolari meta investigazzjonijiet li diġà ġew ippubblikati jirreferu għax-xiri ta’ xorb alkoħoliku mill-Ministru Chris Cardona b’valur ta’ aktar mill-paga minima.
Il-Partit Nazzjonalista qal li ladarba issa ġie kkonfermat li din l-investigazzjoni ntemmet, Muscat għandu jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jippubblika r-riżultati tal-investigazzjoni.
Jekk il-Prim Ministru jonqos milli jagħmel dan, f’ġieħ it-trasparenza, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu jippubblika din l-investigazzjoni.
//= $special ?>