Rugby Sport

Overseas fil-finali tal-kampjonat b’rebħa fuq Falcons

Lineout ta' Overseas waqt il-partita kontra Falcons (Ritratt: Robert Portelli)

Rapport: Bryan Corlett

OVERSEAS……..38

FALCONS…………7

Swieqi Overseas kisbu rebħa tajba fuq Falcons li biha għaddew għal finali kontra Sliema Stompers għar-rebħ tal-kampjonat. Kien logħba miftuħa bejn żewġ timijiet li pruvaw jilagħbu r-rugby, iżda kienu Overseas li kienu kapaċi li jdawru d-difiża f’attakk.

Overseas bdew bir-riħ favurihom, biż-żewġ timijiet ikollhom diversi plejers regolari nieqsa. Huma marru fuq l-attakk b’Cameron Brown jiskorja l-ewwel try wara ġirja tajba minn mal-lemin, b’Christian Briffa jagħmel il-conversion għal vantaġġ ta’ 7-0. L-iskor kompla jikber b’Mumphidze u Harvey jimbuttaw id-difiża ta’ Falcons għal try ieħor.

Overseas komplew jispikkaw fil-logħba u grazzi għat-tieni try ta’ Cameron Brown, l-iskor kompla jikber, b’Christian Briffa jagħmel il-conversion minn pożizzjoni ideali biex daħlu jistrieħu 19-0.

Bir-riħ issa favur Falcons, huma pruvaw jidħlu fil-logħba bili jagħmlu l-pressjoni fuq id-difiża ta’ Overseas. Huma rnexxielhom jagħmlu l-ewwel try tal-logħba permezz ta’ Aaron Borg li fetaħ id-difiża avversarja, b’Julian Galea jagħmel il-conversion biex l-iskor sar 19-7.

F’dak il-punt, Falcons poġġew pressjoni fuq id-difiża avversarja għal madwar kwarta, iżda f’azzjoni minnhom, Overseas ħadu vantaġġ minn lineout mitluf ta’ Falcons, b’Chris Borg juża l-veloċita tiegħu għal ġirja ta’ 80 metru, b’Kawara jwaqqaf parzjalment, iżda l-ballun spiċċa għand George Corner li għamel l-iskor 24-7.

Dan it-try qasam il-qlub ta’ Falcons u bir-rimonta tkun diffiċli, Overseas komplew jiskorjaw bi try ta’ Nicolas Busdrago u conversion ta’ Briffa. Issa Overseas bdew jilagħbu bil-kunfidenza u Roderick Borg għamel try, b’Christian Briffa jagħmel il-conversion għal skor finali ta’ 38-7. Overseas jilagħbu l-finali kontra Sliema Stompers fit-13 ta’ Mejju.