Mozzjoni minn Kunsillier tal-PN bi proposta ta’ Park tal-Familja f’Jubilee Grove fil-Floriana
Fl-aħħar jiem il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista James Aaron Ellul għadda mozzjoni biex iz-zona ta’ Jubilee Grove magħrufa l-aktar bħala l-Masġar ta’ Sa Mason issir park għall-familja, park rikreattiv.
Permezz ta’ stqarrija huwa qal li z-zona preżentament mhux qiegħda fl-aqwa stat, u hija miftuħa għall-ċertu abbużi, madankollu għandha potenzjal enormi li tkun Park għall-Familja, “masġar ta’mistrieħ f’nofs il-bini urban”. Ellul stqarr li l-punti li elenka fuqhom huma li hemm bżonn t’aktar assigurazzjoni biex inħarsu l-ambjent naturali tal-masġar u li dan għandu jiġi kkultivat, iżda kif ukoll jitgawda min-nies. Dan iseħħ ukoll jekk iz-zona tiġi mħarsa b’aktar sigurtà u jkun hemm installazzjoni t’aktar kontenituri tal-iskart.
Huwa tenna li l-masġar kif inhu jiflaħ għal cycle u walking paths. Xi ħaġa li permezz tagħha qed tħeġġeġ lin-nies biex jgħixu aħjar permezz tal-użu ta’ spazju miftuħ biex tagħmel l-eserċizzju.
Huwa kkonkluda jgħid li “hemm bżonn li nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna – Il-Floriana toffri l-isbaħ ġonna u għalhekk magħrufa bħala Ġenna ta’ Ġonna. Iżda l-Floriana toffri wkoll masġar li għandu potenzjal ikun Park għall-familja, masġar ta’ mistrieħ f’nofs il-bini urban”.
//= $special ?>


