Is-Serb li iktar minn xahar ilu daħal f’ħanut fi Triq il-Qawra, fil-Qawra, u jidher f’kameras tas-sigurtà jaħtaf prodotti minn fuq l-ixkafef u jaħbihom taħt il-ġakketta reġa’ sparixxa minkejja li dan is-sit skopra l-identità tiegħu u saħansitra fejn joqgħod.
Kollox beda wara li dan is-sit waslitlu informazzjoni dwar min hu l-ħalliel, għaddejniha lis-sidien tal-ħanut li min-naħa tagħhom għaddew kollox lill-Pulizija iżda qalulhom li għalkemm l-identità tiegħu taqbel, ma jafux fejn hu.
Din ir-risposta ttieħdet b’sorpriża minn ħafna, hekk kif is-Serb qed jidher f’każ separat tal-Qorti bħala xhud, u saħansitra jattendi kuljum fiċ-ċentru tad-detox minħabba d-dipendenza tiegħu tad-droga.
Mill-ġdid dan is-sit ippubblika storja bl-isem ‘Xahar wara li seraq: Jafu min hu, aktarx ġie f’Malta b’passaport falz imma ‘sparixxa’. Kien hawn li sidien ta’ ħanut ieħor ikkonfermaw l-identità tas-Serb li seraq lilhom ukoll, waqt li sar rapport lill-Pulizija dwar fejn kien qed joqgħod is-Serb.
Iżda sadattant is-Serb baqa’ liberu, sakemm sar jaf li wiċċu qed jixtered fuq il-midja soċjali u telaq mill-appartament fejn kien qed joqgħod. Issa l-investigazzjonijiet iridu jibdew mill-ġdid biex jinstab fejn qed joqgħod.
//= $special ?>

