Lokali

UĦM Voice of the Workers tikkundanna l-aggressjoni fuq xufier tal-linja

Il-UĦM Voice of the Workers ikkundannat l-aggressjoni bi vjolenza li saret fuq xufier tal-Malta Public Transport (MPT) fit-terminus tal-Belt fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

“Din il-union tesprimi solidarjeta’ ma’ dan il-ħaddiem għax, minn tagħrif li għandha, kien qed jaqdi dmiru kif suppost u spiċċa mhux biss biex ġie insulentat iżda wkoll ġarrab ġrieħi permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta,” jingħad fl-istqarrija tal-UĦM Voice of the Workers.

L-istess union velat li x-xufier, waqt li kien fuq il-lant tax-xogħol, mhux l-ewwel darba li ltaqa’ mal-persuna li aggredietu. Dan għax tal-aħħar kienet ipprovat tidħaq bih meta ġiet biex tħallas in-noll.

Filwaqt li fakkret li l-aggressiv hu reċidiv, it-Taqsima Port u Trasport fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers fakrket li spiss tisma’ b’każijiet u tiltaqa’ ma’ ħaddiema fil-MPT li ħabbtu wiċċhom ma’ individwi li jipprovaw iqarrqu bihom.

“Iżda dan il-każ partikulari hu kundannabbli u inaċċettabbli tant li għandha ssir ġustizzja mill-aktar fis,” ittemm l-istqarrija.