Lokali

Dak kollu li ġara llum dwar l-iskandlu tal-Panama

Illum l-istejjer bdew ħerġin bħal pastizzi dwar l-iskandlu tal-Panama, it-tlett kumpaniji sigrieti ‘Hearnville’, ‘Tillgate’, u ‘Egrant’, u l-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Sa minn filgħodu seħħew numru ta’ żviluppi, li qegħdin miġbura kollha f’daqqa f’dan l-artiklu.

1. Muscat iffaċċjat mill-media dwar ‘Egrant’

Il-ġurnata bdiet bil-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat li mal-media reġa’ nsista li l-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ la hi tiegħu u l-anqas ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu. Wara li jumejn ilu qal li ma jafx ta’ min hi ‘Egrant’, Muscat qal lill-media biex jekk iridu, imorru jistaqsu lil Brian Tonna ta’ min hi ‘Egrant’.

PANIKU: Muscat jgħid li ‘Egrant’ mhux tiegħu: “Staqsu lil Brian Tonna”

2. L-istorja dwar id-dar ta’ £17-il miljun li xtara Brian Tonna

Filgħodu wkoll, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat storja li fiha qalet li Brian Tonna, id-direttur ta’ Nexia BT, xtara propjeta’ f’Londra għal £17-il miljun permezz tal-kumpanija sigrieta ‘Willerby Trade Inc’ (inkorporata fil-British Virgin Islands, BVI) u l-bank Pilatus (li f’Malta twaqqaf wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013). L-istorja kienet miċħuda minn Brian Tonna, imma Caruana Galizia sfidatu jippubblika d-dokumenti kollha mingħajr ma jbagħbashom.

Brian Tonna xtara propjetà ta’ £17-il miljun f’Londra permezz ta’ kumpanija sigrieta fil-BVI

3. Jibda l-paniku fil-Partit Laburista – l-ewwel sejħa għall-ġurnalisti

Maħkum minn paniku, il-Partit Laburista sejjaħ l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mid-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona u mill-Ministru Owen Bonnici. Il-konferenza tal-aħbarijet issejjħet biex il-kelliema Laburisti setgħu jiddefendu t-tielet kumpanija sigrieta ‘Egrant’.

IL-PL ISEJJAĦ LILL-ĠURNALISTI…biex jiddefendi l-kumpanija ‘Egrant’

4. Iswed Fuq l-Abjad jiżvela li ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’ bdew jiġu likwidati

Matul il-ġurnata, il-programm Iswed fuq l-Abjad żvela li ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’ kienu bdew jiġu likwiwdati minn filgħodu. Hearnville hija l-kumpanija sigrieta fil-Panama ta’ Konrad Mizzi filwaqt li Tillgate hija l-kumpanija sigrieta ta’ Keith Schembri. L-aħbar kienet rappurtata wkoll fid-dettal fuq is-sit daphnecaruanagalizia.com.

Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu pronti u f’żewġ stqarrijiet separati, ċaħdu li l-kumpaniji tagħhom bdew jiġu likwidati mil-lum u qalu li dawn kienu bdew jiġu likwidati fil-bidu tas-sena. Imma dan ma rriżultax minnu, hekk kif aktar tard matul il-ġurnata, NET News ippubblika evidenza bil-kontra (ara aktar ‘l isfel).

F’paniku jibdew jingħalqu Tillgate u Hearnville

5. Jikber il-paniku fil-Partit Laburista – jerġgħu isejħu lill-ġurnalisti

Il-paniku fil-Partit Laburista kompla jikber hekk kif il-Partit Laburista ħass li kellu jerġa’ jsejjaħ lill-ġurnalisti għat-tieni darba f’temp ta’ ftit siegħat.

PANIKU DEJJEM JIKBER: Reġgħu sejħulna għal konferenza tal-aħbarijiet oħra

6. Il-Kap tal-PN Simon Busuttil iwiegħed protezzjoni lil kull min jikxef l-informazzjoni

Sadanittant, il-media tibda tirrapporta kummenti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li f’kummenti mal-media wiegħed li Gvern Nazzjonalista jagħti protezzjoni lil kull min jikxef informazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama.

FILMAT: Il-PN jipproteġi lil kull min jista’ jikxef informazzjoni dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama

7. NET News jippubblika informazzjoni li tgiddeb lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri

Waqt NET News fuq NET Television, ġew ippubblikti dokumenti mill-Awditur Irtirat Godfrey Leone Ganado li jgiddbu dak li qalu Konrad Mizzi u Keith Schembri meta aktar kmieni insistew li l-kumpaniji sigrieti tagħhom ‘Hearnville’ u ‘Tillgate’ bdew jiġu likwidati fil-bidu tas-sena. Skont dawn id-dokumenti, il-kumpaniji kienu għadhom attivi sal-bieraħ.

KEITH SCHEMBRI U KONRAD MIZZI QED JIGDBU: NET News jiżvela d-dokumenti

8. Caruana Galizia tiżvela dettalji xokkanti dwar trasferimenti ta’ somom kbar ta’ flus

Il-ġurnata laħqet il-qofol tagħha meta filgħaxija, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat storja xokkanti dwar il-mod kif is-sena li għaddiet għaddew somom kbar ta’ flus mill-kumpanija sigrieta ta’ bint il-President tal-Ażerbajġan għat-tlett kumpaniji sigrieti ‘Hearnville’, ‘Tillgate’ u ‘Egrant’. L-istorja xterdet fuq il-media soċjali bħal leħħa ta’ berqa, b’Konrad Mizzi u Keith Schembri jiċħdu l-istorja u jgħidu li se jiftħu libell kontra Caruana Galizia.

Somom kbar ta’ flus mit-tifla tal-President tal-Ażerbajġan fil-kumpaniji sigrieti tal-Panama

Tags